Tnedija Ta’ Park Fitness Bi Ħsieb Li Titqajjem Kuxjenza Fuq Is-Saħħa Fiżika

 Tnedija Ta’ Park Fitness Bi Ħsieb Li Titqajjem Kuxjenza Fuq Is-Saħħa Fiżika

Bi ftit jiem biss ’il bogħod mill-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci ħabbru inizjattiva bl-għan li jiżdied l-għarfien fuq is-saħħa mentali permezz tal-eżerċizzju fiżiku.

Parks Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli ħarġu b’kunċett ta’ Parks Fitness fejn qed jinkoraġġixxu lill-pubbliku biex jagħmel eżerċizzju fil-parks kollha f’pajjiżna permezz ta’ videos ippubblikati fuq il-website: www.parksmaltafitness.com.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar, il-Ministru Dalli spjegat dwar l-importanza tal-attività fiżika u dik tas-saħħa mentali.

“Min-naħa ta’ Parks Malta, kontinwament qed ninvestu f’aktar spazji miftuħa u siguri, fejn il-pubbliku jkun jista’ jagħmel eżerċizzju waqt li jirrilassa,” irrimarkat l-Ministru Dalli.

Min-naħa tagħha, il-Professur Charmaine Gauci spjegat kif inizjattivi bħal dawn huma importanti biex inkomplu nippromwovu s-saħħa mentali u dik fiżika.

“Bħala Supretendent għas-Saħħa Pubblika, huwa l-irwol tagħna li nagħtu appoġġ għall-ħajja aħjar, fejn ninvestu fil-ħajjiet tan-nies u nħeġġuhom jgħixu ħajja aktar b’saħħitha. Għalhekk, bl-inizjattiva tal-lum se nkunu qed inkomplu ninkoraġġixxu kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ spazji miftuħa u ambjent aktar sigur,” stqarret il-Professur Gauci.

Ritratti: DOI

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com