Titwaqqaf Il-Kamra Tal-Avukati F’Għawdex B’Mod Uffiċċjali

 Titwaqqaf Il-Kamra Tal-Avukati F’Għawdex B’Mod Uffiċċjali

Ilbieraħ waqt laqgħa ġenerali li nżammet fost l-Avukati li jipprattikaw f’Għawdex, ġiet imwaqqfa b’mod uffiċċjali Kamra tal-Avukati (Għawdex) bil-għan li tirrapreżenta l-interessi tal-avukati bbażati f’Għawdex.

Fi stqarrija ntqal li dan huwa pass importanti ferm għall-avukati prattikanti bbażati f’Għawdex bil-għan illi jitħarsu u jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-istess avukati.

Huma saħqu li dan l-iżvilupp qiegħed iseħħ fl-isfond tas-sitwazzjoni li fil-preżent jinsab il-Qorti f’Għawdex fejn minkejja li l-avukati jinsabu għaddejjin b’azzjoni kollettiva u mhux qed jattendu għas-seduti ffissati, jidher li s-sitwazzjoni fl-amministrazzjoni tal-Qorti baqgħet l-istess.  Minkejja tali azzjonijiet sa dan il-mument il-Ministru għal Ġustizzja għadu ma ħa l-ebda azzjoni kif lanqas ma kien hemm l-ebda sforz da parti tal-istess Ministeru sabiex ikun hemm xi tip ta’ komunikazzjoni.

“Hija offiża lejn il-professjoni tal-avukat li l-uniku azzjoni f’dan ir-rigward kienet biss laqgħa mal-istaff tal-Aġenzija tal-Qrati, liema laqgħa però ma ħalliet l-ebda frott,” sostnew il-Kamra tal-Avukati f’Għawdex.

Huma tennew li l-azzjoni kollettiva sejra tibqa’ viġenti u għalhekk l-avukati mhux ser ikunu qeghdin jattendu għas-seduti ffissati anke matul il-ġimgħa d-dieħla u dan sakemm ma jkunx hemm komunikazzjoni ulterjuri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com