Ir-Raġel Li Sgassa L-Bieb Ta’ Maħżen U Seraq L-Armi, Arrestat F’Inqas Minn 24 Siegħa
Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Invesitgazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid, wasslet biex f’inqas minn 24 siegħa jiġi arrestat raġel ta’ 21 sena residenti Ħal Tarxien, b’rabta ma’ serqa.
Il-Ħadd, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’maħżen fi Triq il-Merħba, il-Fgura. Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijet irriżulta li bejn il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, xi ħadd mhux magħruf sgassa l-bieb tal-maħżen u minn ġo fih insterqu ammont ta’ armi tal-airsoft, munizzjoni talistess armi u affarijiet oħra relatati, li jiswew eluf ta’ ewro.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija identifikat l-allegat ħalliel u r-raġel ġie arrestat ilbieraħ filgħodu mir-residenza tiegħu, fejn fid-dar instabu wkoll l-oġġetti misruqa.
Il-Maġistrat Dr Ian Farrugia qiegħed imexxi inkjesta. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest illum, f’xi l-ħdax u nofs ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Charmaine Galea.