Għat-Tieni Darba Konrad Mizzi Naqas Mili Jidher Quddiem Il-Kumitat Parlamentari Għall-Kontijiet Pubbliċi

 Għat-Tieni Darba Konrad Mizzi Naqas Mili Jidher Quddiem Il-Kumitat Parlamentari Għall-Kontijiet Pubbliċi

Id-Deputat Konrad Mizzi għat-tieni darba naqas mili jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi biex jixhed dwar l-investigazzjoni fuq il-kuntratt tal-Electrogas.

Fl-aħħar laqgħa li saret fis-6 ta’ Ottubru l-membri tal-Kumitat qablu li Mizzi għandu jerġa’ jissejjaħ biex jixhed quddiem il-Kumitat. Huwa dakinhar kien kiteb messaġġ fuq il-mezzi soċjali li ma kienx ħa jattendi għal din is-seduta għax kien dritt tiegħu li jagħmel hekk.

Għas-seduta tal-lum filgħodu d-deputat kiteb email lis-Segretarja tal-Kumitat u informaha li ma kienx ħa jattendi għal-laqgħa tal-lum bl-istess raġunijiet li kien qal fis-6 ta’ Ottubru, skond hu din hija “proċedura normali” li jista’ jagħmel.

Beppe Fenech Adami ċ-Chairman tal-Kumitat qal li dan mhux minnu.

Il-Membri Karol Aquilina ressaq mozzjoni biex ikun il-Parlament li jordna lil Mizzi jitla’ jixhed. Madanakollu l-Membri tal-Gvern ma’ qablux ma’ din il-mozzjoni u qalu li għandu jiddeċiedi l-Ispeaker.

Wara diversi argumenti u botti u risposti bejn il-Membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni ittieħed vot fuq il-mozzjoni li ressaq Karol Aquilina fejn il-Membri tal-Oppożizzjoni vvutaw favur filwaqt li l-Membri tal-Gvern ivvotaw kontra. B’hekk il-mozzjoni m’għaddietx.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com