“€2 Miljuni Fondi Tal-Unjoni Ewropea Mormija” – Il-PN
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said flimkien mal-Kelliem dwar Fondi Ewropej Kevin Cutajar qalu li llum ġie konfermat li sentejn ilu l-Ministeru għal Għawdex xtara sitt coaches li jaħdmu bl-elettriku għas-somma ta’ €1.7 miljun ewro.
Fi stqarrija l-Kelliema tal-PN qalu li ftit wara l-Gvern ta direct order ta’ kważi kwart ta’ miljun biex nxtraw iċ-chargers għall-istess coaches.
“Sentejn wara li dawn il-coaches waslu f’ Għawdex dawn ma ntużaw qatt. Ilhom sentejn miltuqa f’bitħa tal-Gvern ħdejn il-Ġgantija fix-Xagħra,” saħqu Said u Cutajar fl-istqarrija tagħhom.
Huma komplew jgħidu li meta l-Ministru għal Għawdex fl-aħħar jiem ġie mistoqsi fil-Parlament x’ser isir minn dawn il-coaches fir-risposta tiegħu qal li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet biex jaraw kif l-aħjar li jintużaw.
“Huwa ċar li dan huwa Gvern li ma jippjanax. Nefaq 2 miljun ewro u sentejn wara għandu ma jafx kif ser juża dawn il-coaches. Sadanittant dawn qed jispiċċaw ma kull ġurnata li tgħaddi,” tennew il-Kelliema tal-PN, filwaqt li qalu li dan mhux l-ewwel każ ta’ nuqqas ta’ ippjanar serju fejn jidħlu fondi tal-Unjoni Ewropeja f’ Għawdex.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-proġetti u inizjattivi b’fondi tal-Unjoni Ewropea f’Għawdex huma skarsi tant li l-Gvern ma jridx jgħid fl-aħħar disa’ snin kemm nefaq minn dawn il-fondi f’Għawdex. “Infakkru li Gvern tal-PN kien assigura li tal-inqas 10% tal-fondi Ewropej riedu jintefqu f’Għawdex u hekk kien sar.”