“Għandna Obbligu Morali Li Naraw Li Kull Ċittadin Ewropew, Jaqsam Il-Ħsibijiet Tiegħu Bl-Aktar Mod Effettiv” – MPE Josianne Cutajar

 “Għandna Obbligu Morali Li Naraw Li Kull Ċittadin Ewropew, Jaqsam Il-Ħsibijiet Tiegħu Bl-Aktar Mod Effettiv” – MPE Josianne Cutajar

Waqt li kienet qed tintervjeni fil-plenarja tal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa fi Strasburgu fl-aħħar tal-ġimgħa li għaddiet, il-membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Josianne Cutajar saħqet li l-Unjoni Ewropea għandha obbligu morali li tassigura li kull ċittadin Ewropew, irrelevanti mill-qagħda tiegħu, ikollu ċ-ċans u jkun jista’ jaqsam il-ħsibijiet tiegħu u jikkomunika bl-aktar mod effettiv.

Dr Cutajar qalet li soluzzjoni importanti biex dan iseħħ hu permezz tal-użu tat-teknoloġija u għodod diġitali. B’hekk dan il-proċess jista’ jkun ferm aktar aċċessibbli għal kulħadd u jkun tabilħaqq miftuħ ferm aktar.

“Intenni li l-proċess diġitali jrid verament jassigura li permezz tiegħu persuni b’diżabilità jkunu ferm aktar integrati fis-soċjetà tagħna”, stqarret Josianne Cutajar. L-MPE Maltija ssoktat tgħid li huwa importanti li dawn iċ-ċittadini inġibuhom mill-periferiji, għaċ-ċentru tal-Ewropa.

Dr Cutajar saħqet li l-għodda diġitali u l-faċilitajiet li qed jintużaw waqt il-konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa għandhom jiġu rranġati minn issa sabiex iqarrbu l-Ewropa u d-diskussjoni relatata mal-futur lejn kulħadd. Hi qalet ukoll li ma nistgħux ninsew però lil dawk fostna li m’għandhomx aċċess għat-teknoloġija jew m’għandhomx il-ħiliet diġitali biex iwasslu leħinhom.

Intant, fil-Caucus tas-Soċjalisti relatat mal-Konferenza tal-Futur tal-Ewropa, l-MPE tal-Partit Laburista saħqet ukoll li “Bħala soċjalisti hemm bżonn nassiguraw l-inklussività u l-aċċessibilità tas-setturi differenti tas-soċjetà tagħna fil-proċeduri u l-konsultazzjonijiet diversi.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com