“Il-Biża’ Mill-PN Ikbar Mid-Dwejjaq Mill-Labour!” – Franco Debono
Wara dak kollu li ntqal fl-ewwel sagħtejn ta’ xhieda ta’ Konrad Mizzi fil-PAC, laqgħa mimlija botti u risposti minn kull naħa tal-mejda, jidher li din ħa tkun ġejja bit-tul sakemm naslu biex finalment jibdew jiġu mwieġba l-mistoqsijiet.
Diversi persuni wara din l-ewwel laqgħa taw il-kummenti tagħhom fosthom Franco Debono l-eks Deputat Nazzjonalista fejn qal li segwa s-seduta kważi kollha
F’kitba fuq il-mezzi soċjali tiegħi Franco Debono qal li “skambju partikolari li forsi ftit taw kasu bejn Beppe u Konrad inqisu l-iktar importanti tas-seduta.”
Debono qal li f’mument minnhom “biex iniggżu u jdaħħal feles, Beppe qal lil Konrad li anke sħabu tal-Labour kienu ramewh, Konrad dlonk ċaqċaq lura u qallu li xorta Labour se jivvota biex jaċċerta ruħu li ma jarax lil Beppe fil-Gvern.”
Franco Debono kompla jikteb li għalkemm Konrad Mizzi huwa Laburist imweġġa u mkeċċi mil-Labour xorta ma jasalx jivvota PN. Huwa kompla jgħid li ma t’għaddielux minn moħħu li Konrad Mizzi qatt jista’ jivvota PN, “però s-sentiment espress minnu jirrifletti r-riżultati elettorali tal-aħħar snin.”
“Elettorat li anke jekk forsi mdarras mil-Labour xorta mwerwer mill-PN u allura l-Labour jibqa’ jirbaħ u l-PN jibqa’ ma javvanzax,” saħaq Franco Debono, filwaqt li kompla jsostni li “l-biża’ mill-PN ikbar mid-dwejjaq mil-Labour!”
Fir-riflessjoni tiegħu Debono temm jgħid li l-PN jrid jistaqsi lilu nnifsu, “kemm hawn eluf qed jgħidu l-istess ħaġa? Kemm hawn nies li mhux daqshekk kuntenti bil-Labour però se jivvotaw biex ma jarawx lil PN fil-Gvern!” Franco Debono ikkonkluda billi qal li seduti bħal dawn ma jgħinux lill-PN.