Fitch Ratings Tagħti Rating ‘A+’ Lil Pajjiżna – Tgħid Li L-Greylisting S’Issa Għadu Ma’ Ħalliex Impatt Fuq L-Ekonomija
L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala ‘A+’ bi prospetti stabbli. Dan minkejja l-impatt tal-pandemija, liema impatt qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi ’l isfel il-klassifikazzjoni ta’ diversi pajjiżi.
Fitch Ratings qalu wkoll li t-tbassir tagħhom għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna s-sena d-dieħla mistenni jkompli jikber. Aktar kmieni din is-sena kienu qed ibassru li fl-2022 se nikbru bi 3.9%, issa qed ibassru tkabbir ta’ 6.1%. Dan filwaqt li qed jipprevedu li din is-sena l-ekonomija tagħna tkun kibret b’5.7%.
Fi stqarrija ntqal li dan l-irkupru hu dovut għal diversi fatturi, imma dak prinċipali hu s-suċċess tal-programm ta’ vaċċinazzjoni. L-esperti ta’ Fitch jinnutaw ukoll kemm baqa’ b’saħħtu s-suq tax-xogħol u kif dan qed iwassal għal livell tajjeb ta’ konsum u ta’ investiment.
Kelliema għall-Gvern qalu li “filwaqt li l-kelliema tal-Oppożizzjoni jsostnu li l-gvern qed iberbaq il-flus u s-sitwazzjoni fiskali mhix sostenibbli, l-esperti ta’ Fitch ibassru li d-defiċit din is-sena ser ikun anqas milli qed ibassar il-gvern. Fil-fatt, għal darba oħra, reġgħu rrivedew ’l isfel it-tbassir tagħhom għad-defiċit fl-2021. Dan minħabba li s-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed itejjeb ħafna d-dħul tal-gvern.”
Fitch Ratings jgħidu wkoll li d-deċiżjoni tal-FATF, “Has not yet materially impacted the Maltese economy”, l-esperti ta’ Fitch Ratings innutaw li l-gvern qed jintensifika l-ħidma biex pajjiżna jagħmel progress fuq dan il-qasam. Dan filwaqt li nnutaw li s-sistema finanzjarja baqgħet ferm reżiljenti u ma kellhiex impatti mill-pandemija.
Il-Kelliema tal-Gvern temmew jgħidu li ċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings hu konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxiet l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi f’dan iż-żmien ta’ sfida. Dan flimkien mat-titjib fil-qasam tal-governanza li ser jipprovdi pedament sod għat-tkabbir b’saħħtu ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin.