Il-President U L-Arċisqof Iżuru Uffiċini Temporanji Mislufa Mill-Knisja Lill-MCCFF
Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sa Vella żaru l-uffiċini temporanji tal-Malta Community Chest Fund Foundation fin-numru 65, Triq Żekka, il-Belt Valletta, flimkien mal-Arċisqof Charles Scicluna.
Il-fondazzjoni kellha tiċċaqlaq minħabba l-proġett kbir ta’ restawr li qed isir bħalissa minn Heritage Malta fil-Palazz tal-Gran Mastru, fejn għandha l-uffiċini uffiċjali tagħha fis-sular ta’ isfel. Il-Kurja tal-Arċisqof silfet dan il-fond alternattiv wara intervent mill-Arċisqof Scicluna nnifsu.
Wara li daru mal-uffiċini u sellmu lill-ħaddiema, il-President Vella rringrazzja lill-Arċisqof Scicluna u lill-Knisja talli pprovdew dan l-ispazju lill-fondazzjoni. Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Scicluna qal li dan il-ġest mill-awtoritajiet tal-Knisja kien att konkret biex jappoġġjaw il-ħidma tal-MCCFF. Iż-żewġ mexxejja appellaw lil kulħadd sabiex juri s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk fil-bżonn, billi jgħin lill-fondazzjoni permezz ta’ donazzjonijiet matul il-maratona televiżiva li jmiss ta’ L-Istrina u bi kwalunkwe mod ieħor.
Ritratti: DOI