Smart Cloud Ippreżentata Lill-Komunità Kummerċjali Maltija

 Smart Cloud Ippreżentata Lill-Komunità Kummerċjali Maltija

Melita Business u Smart Technologies Limited ippreżentaw Smart Cloud, id-ditta ta’ servizzi amministrati fuq il-Cloud tagħhom lill-komunità tan-negozju waqt attività li saret fil-Melita Data Centre fil-Madliena. Dawk li attendew kienu indirizzati wkoll minn rappreżentanti ta’ Oracle u HPE, tnejn mill-fornituri ewlenin tal-infrastruttura għal Smart Cloud.

Smart Cloud tgħaqqad il-konnettività unika u l-kapaċitajiet ta’ hosting ta’ Melita Business mal-kompetenza ta’ Smart Technologies fis-soluzzjonijiet Cloud u integrazzjoni personalizzata. Permezz ta’ din it-taħlita ta’ servizzi, Smart Cloud tipprovdi Cloud backups fuq magni virtwali u desktop, hosting ta’ magni virtwali, disaster recovery, u għażliet għall-ħażna u l-immaniġjar tad-dejta, inklużi soluzzjonijiet hybrid u kolokazzjoni. Smart Cloud tipprovdi wkoll il-pjattaforma meħtieġa għall-integrazzjoni u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tan-negozju, inklużi dawk immexxija mill-Intelliġenza Artifiċjali. Il-mistednin tal-attività kellhom l-opportunità li jduru l-Melita Data Centre li hi l-unika faċilità tax-xorta tagħha mibnija apposta għal dan l-iskop f’Malta.

Robert Azzopardi, System Architect ma’ Smart Technologies, ta ħarsa dettaljata tal-infrastruttura u t-teknoloġija pprovduta minn Smart Cloud u s-servizzi mmaniġjati. Minbarra li tkellem fuq is-servizzi attwali, Azzopardi ddiskuta wkoll kif is-servizzi ta’ Smart Cloud mistennija jiżviluppaw fis-snin li ġejjin, u enfasizza l-vantaġġi li jkun hemm f’fornitur ta’ Cloud flessibbli, lokali, bi trasparenza sħiħa tal-ispejjeż.

Malcolm Briffa, Direttur tas-Servizzi tan-Negozju ma’ Melita Limited, spjega, “Meta nlaqqgħu flimkien il-vantaġġi ta’ Melita Business u Smart Technologies, Smart Cloud kapaċi toffri proposta unika lill-kumpaniji li joperaw f’Malta. Kapaċi noffru s-servizzi kollha ta’ mmaniġjar u hosting ta’ dejta fuq il-Cloud u hybrid data li kull negozju jantiċipa, filwaqt li niżguraw li d-dejta kollha tibqa’ f’Malta. Dan isolvi kwistjonijiet ta’ residenza tad-dejta li jaffettwaw ħafna mill-industriji regolati, bħall-iGaming jew is-servizzi finanzjarji.”

Michael Balzan, Malta Country Manager ta’ Oracle u Jeffrey Sultana, Malta County Manager ta’ HPE, iddiskutew il-programmi u l-apparat li qed jintużaw minn Smart Cloud u l-potenzjal tagħhom, meta kkombinati mal-kapaċitajiet ta’ Melita Business u Smart Technologies, biex imexxu l-innovazzjoni u t-tkabbir tan-negozju. Denis Stanarevic, Territory Manager ESE u MAP ta’ HPE, ippreżenta ħarsa strateġika ta’ kif is-soluzzjonijiet tal-Cloud, flimkien mal-Intelliġenza Artifiċjali u t-tkabbir fl-apparati konnessi, qed ibiddlu n-negozju globalment. Din it-trasformazzjoni qed tippermetti teħid ta’ deċiżjonijiet aktar mgħaġġla u aħjar filwaqt li tiżgura s-sigurtà u l-affidabbiltà.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com