Imħabbra Inizjattiva Sabiex Dawk It-Tfal Li Jkunu Sfaw Vittma Tal-Kriminalità Jibdew Paġna Ġdida
Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed joffri sessjonijiet ta’ self-defence lil tfal li jkunu esperjenzaw reat kriminali. Il-vittmi minn tmien snin ‘il fuq se jkollhom opportunità li jingħataw taħriġ bla ħlas minn għalliem tal-pulizija b’esperjenza. Din l-inizjattiva tħabbret minn Dr Lydia Abela u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.
Waqt żjara fil-gym tal-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati, Dr Lydia Abela u l-Ministru Byron Camilleri tkellmu mal-membri tat-taqsima SIU fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li se jkunu qed jgħallmu dan it-taħriġ. L-għan ta’ dawn is-sessjonijiet huwa li t-tfal jitgħallmu jiddefendu lilhom infushom u jipproteġu l-ispazju personali tagħhom mingħajr ma jirrikorru għall-vjolenza. Permezz ta’ dan it-taħriġ, it-tfal se jkunu jistgħu jiżviluppaw ħiliet ġodda u kunfidenza bil-kapaċitajiet tagħhom stess.
Dr Lydia Abela tkellmet dwar kif spiss it-tfal ikunu l-aktar persuni li jkunu impattati wara li jkunu esperjenzaw reat. Għalhekk, dan it-taħriġ se jgħinhom jinteraġixxu ma’ tfal oħra u jiffurmaw ħbiberiji ġodda. “Bħala parti mis-16-il jum ta’ attiviżmu, din is-sena ridna niffukaw fuq it-tfal biex nassiguraw li dawn jingħataw kull opportunità possibbli biex l-esperjenza negattiva ma timpattax il-futur tagħhom”, qalet Dr Abela.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Camilleri spjega li l-Korp tal-Pulizija qiegħed hemm għal kulħadd, mill-kbir saż-żgħir. Huwa qal li b’dan il-proġett il-Korp se jkun qed iwassal il-messaġġ li l-pulizija qegħdin hemm biex jgħinu lill-pubbliku filwaqt li l-persuna tħossha sigura bil-preżenza tagħhom. “B’din l-inizjattiva, il-Korp se jkun qed jilħaq l-iżgħar vittmi fis-soċjetà, it-tfal, li ħafna drabi ma jkollhomx vuċi biex jitolbu għall-għajnuna. Bħala ministeru qed naħdmu sabiex vittma ma terġax issir vittma darbtejn”, kompla l-Ministru. Qal ukoll li din hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li qed jimplimenta l-Korp biex isaħħaħ ir-relazzjoni tiegħu mal-komunità.
It-taħriġ se jkun offrut lil dawk kollha li għamlu kuntatt mal-pulizija u sofrew xi reat u se jsir kull nhar ta’ Sibt.
Ritratt: DOI