Rapport Biex Jissaħħaħ Iktar Id-Djalogu Soċjali F’Malta

 Rapport Biex Jissaħħaħ Iktar Id-Djalogu Soċjali F’Malta

Waqt business breakfast organizzat minn Servizzi Ewropej f’Malta (SEM), li għalih attendew rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili f’Malta, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ġie ppreżentat b’rapport ta’ proġett dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’Malta, imwettaq minn SEM.  Il-proġett kien appoġġat minn fondi li ngħataw taħt il-fondi Norveġiżi permezz tal-programm ‘Djalogu Soċjali – Xogħol Diċenti’.

Ir-rapport jinkludi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn studju komparattiv tal-mudelli tad-djalogu soċjali fin-Norveġja u f’Malta, wara li saru numru ta’ intervisti mal-imsieħba soċjali membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Il-Ministru Carmelo Abela, responsabbli mid-djalogu soċjali, tkellem dwar kif id-djalogu soċjali f’pajjiżna diġà huwa wieħed b’saħħtu u li jiffunzjona b’mod tajjeb. Il-Ministru – b’referenza għal dan l-istudju li sar dwar il-mudell tad-djalogu soċjali kif nafuh f’pajjiżna, li ilu madwar 30 sena jiffunzjona, u dak li jintuża fin-Norveġja, li ilu aktar minn 100 sena jiffunzjona – qal li qiegħed tingħata opportunità biex, fiż-żmien opportun, jiġi eżaminat id-djalogu soċjali f’Malta, ħalli b’hekk ikompli jissaħħaħ. Dan wara li diġà sar titjib fil-mod kif jaħdem l-MCESD permezz ta’ working groups speċjalizzati fuq temi attwali u bl-għajnuna ta’ esperti u bis-sehem sħiħ tal-imsieħba soċjali.  Sar ukoll titjib leġiżlattiv fil-mod kif taħdem l-aġenzija SEM, inkluż fil-qasam tad-djalogu soċjali.

Il-Ministru qal li fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan ir-rapport, irridu nħarsu lejn dak li jeżisti llum biex intejbuh, bl-għan li nipprovdu djalogu ta’ kwalità, u li l-frott tad-diskussjonijiet tad-djalogu soċjali fil-livelli kollha dejjem ikun ta’ benefiċċju akbar għall-pajjiż.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Mandy Falzon tkellmet dwar is-sehem tal-Aġenzija SEM fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali f’Malta. Hija qalet li SEM hija waħda mill-aktar entitajiet governattivi li għandha bħala funzjoni prinċipali t-tixrid tal-informazzjoni dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-UE. Il-Kap Eżekuttiv spjegat li SEM tara li jsiru diskussjonijiet fuq diversi livelli dwar kif proposti ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jaffettwaw l-interessi tal-korpi kostitwiti Maltin, tal-imsieħba soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tal-entitajiet pubbliċi u privati, biex jifhmu aħjar kif jolqtuhom proposti leġiżlattivi tal-UE. B’hekk huma jkunu jistgħu jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Fost il-punti li semma, Lawrence Zammit mill-MISCO Consulting, waqt li kien qed jagħti preżentazzjoni dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport, qal li hemm bżonn li jkun hemm aktar diskussjoni dwar suġġetti li jħarsu lejn il-futur ta’ pajjiżna. Dan ifisser li d-djalogu soċjali f’Malta għandu jieħu xejra aktar proattiva. Is-Sur Zammit irrakkomanda li d-djalogu soċjali f’Malta jiffoka aktar fuq ir-riżultati li jrid jilħaq, u jiffoka anqas fuq id-diskussjoni li ssir, biex ikun hemm djalogu soċjali effettiv.​

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com