Imħabbra L-Attività ‘Adopt A Pet Day’

 Imħabbra L-Attività ‘Adopt A Pet Day’

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar l-avveniment ‘Adopt a Pet Day’ li se ssir fis-16 ta’ Jannar 2022, fil-Kwartieri Ġenerali tal-Brigata tas-Sależjani f’Għajn Tuffieħa.

Matul dawn l-aħħar sentejn saret ħidma biex titqajjem kuxjenza dwar l-aħjar mod kif wieħed għandu jieħu ħsieb l-annimali domestiċi. Dan il-messaġġ qed jasal, saħaq il-Ministru Refalo, hekk kif deħlin rapporti fuq bażi regolari fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, bi spezzjonijiet li jirriżultaw f’konfiski u kif wkoll sejħiet ta’ emerġenza.

Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Direttorat għall-ħidma tagħhom sabiex isalvaw u jieħdu ħsieb annimali domestiċi, kif ukoll lis-santwarji u l-NGOs li jaħdmu għall-ġid ta’ dawn l-annimali.

Id-Direttur fi ħdan il-Direttorat Patricia Azzopardi appellat biex jissewwew il-qtates u l-klieb u biex jiġi żgurat li dawn ikunu microchipped. In-neutering jiffranka eluf ta’ qtates u klieb milli jiġu abbandunati fit-toroq filwaqt li l-microchipping jgħin biex kull annimal domestiku mitluf jasal lura lis-sid mill-aktar fis possibbli.

Il-Ministru Refalo kompla jispjega kif l-Gvern se jkompli jinkoraġġixxi u jeduka lill-poplu Malti u Għawdxi dwar l-adozzjonijiet. Huwa għalhekk li fis-16 ta’ Jannar se tiġi organizzata ‘Adopt a Pet Day’ fejn se jkun hemm sensiela ta’ taħditiet u dimostrazzjonijiet dwar il-kura xierqa tal-annimali, kif wkoll il-preparazzjoni u l-proċess għall-adozzjonijiet.

Din l-attività hija mmirata lejn individwi u familji interessati li jiltaqgħu ma’ xi annimali domestiċi li jkunu għall-adozzjoni kif wkoll għal dawk interessati li jitgħallmu dwar l-annimali u l-ħarsien tagħhom.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com