Malta Tirċievi L-Ewwel Pagament Mill-UE Ta’ €41 Miljun F’Għotja Mill-Fond Għall-Irkupru U R-Reżiljenza

 Malta Tirċievi L-Ewwel Pagament Mill-UE Ta’ €41 Miljun F’Għotja Mill-Fond Għall-Irkupru U R-Reżiljenza

Malta llum irċeviet l-ewwel pagament ta’ finanzjament minn qabel ta’ €41 miljun bħala għotja mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea. Dan seta’ jsir wara li s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ffirma f’isem Malta l-ftehim ta’ finanzjament għall-għotja ta’ ftit anqas minn €320 miljun minn dan il-Fond filwaqt li għan-naħa tal-Kummissjoni Ewropea ffirma l-Kummissarju għall-Ekonomija Paolo Gentiloni.

L-għan ta’ dan l-ewwel pagament huwa li l-pajjiż jingħata dik l-ispinta meħtieġa biex minnufih jibda jimplimenta investimenti importanti u riformi li kien intlaħaq ftehim dwarhom bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea fix-xhur li għaddew.

Il-pjan ta’ Malta għall-investimenti minn dan il-fond jinkludi nefqa ta’ madwar 54% mill-allokazzjoni ta’ Malta, f’inizjattivi ambjentali u klimatiċi b’appoġġ għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija l-ħadra u ċirkulari u madwar 26% oħra tan-nefqa favur investimenti u riformi għat-tranżizzjoni diġitali.

Mill-Pjan kollu għall-Irkupru u r-Reżiljenza, €189 miljun se jintefqu biex jindirizzaw inizjattivi favur enerġija nadifa, b’investimenti fir-rinovazzjoni ta’ bini pubbliku u bini kummerċjali tal-privat biex jużaw inqas enerġija. Investimenti oħra se jsiru biex jappoġġjaw investimenti f’vetturi elettriċi ġodda kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku.

Nefqa ta’ €55 miljun sejra għall-qasam diġitali favur ekonomija diġitali, intelliġenti u reżiljenti filwaqt li qed tiġi ppjanata nefqa oħra ta’ €50 miljun biex is-sistema tas-saħħa tkun aktar reżiljenti.  Madwar €41 miljun ser jintefqu biex jinbena kampus ġdid għall-ITS u jitfasslu programmi ta’ taħriġ ġodda u aġġornati. B’hekk inkunu qed inkomplu nsaħħu l-edukazzjoni vokazzjonali fil-pajjiż. Qiegħda tiġi allokata nefqa ta’ €10 miljuni biex issir id-diġitalizzazzjoni tal-Qrati filwaqt li ħa jkomplu jingħataw spinta ‘l quddiem ir-riformi meħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiż.

F’kumment waqt l-iffirmar tal-ftehim ta’ finanzjament, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li l-ewwel pagament ta’ €41 miljun mill-Fond tal-Irkupru u r-Reżiljenza, jipprovdi spinta addizzjonali fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan hekk kif il-Gvern ikompli jimplimenta l-investimenti u r-riformi differenti għall-ġid tal-pajjiż u taċ-ċittadini.

Huwa stqarr li dan il-pjan se jwassal biex ikollna bidla lejn ekonomija aktar ħadra u li tappoġġja t-trasformazzjoni lejn ekonomija aktar diġitali. Il-pjan jinkludi wkoll investimenti importanti fil-qasam tal-edukazzjoni, fis-saħħa u f’dak li għandu x’jaqsam ma’ governanza.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com