“Il-Ministru Byron Camilleri Għandu Jitlob Apoloġija Għall-Mod Kif Għatta L-Abbuż U Jirreżenja” – Il-PN

 “Il-Ministru Byron Camilleri Għandu Jitlob Apoloġija Għall-Mod Kif Għatta L-Abbuż U Jirreżenja” – Il-PN

“Ir-Rapport tal-Inkjesta ippublikat illum hu konferma tas-sitwazzjoni diżastruża fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin.”

Din hija l-ewwel reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista wara li dalgħodu kien ippublikat ir-rapport tal-Inkjesta Ministerjali dwar l-operat tal-Ħabs.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-PN għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u ċ-Ċittadinanza, Beppe Fenech Adami qal li l-Ministru Byron Camilleri għal snin sħaħ iddefenda sistema ta’ detenzjoni li waslet għal rekord ta imwiet fil-ħabs, “illum kellna konferma ta dak kollu li ilha tisħaq fuqu l-Oppożizzjoni. L-inkjesta kkonfermat illi il-proċessi neċessarji għal riabilitazzjoni tar-residenti fil-ħabs falla.”

Beppe Fenech Adami saħaq li l-inkjesta kkonfermat li ma sar ebda investiment serju tul is-snin sabiex tiġi indirizzata il-problema ta’ affullament fil-ħabs. “L-istess inkjesta kkundannat is-sistema ta’ tmexxija awtoritarja li kissret il-moral tal-gwardjani tal-ħabs u kull min jaħdem fil-ħabs,” tenna l-Kelliem tal-PN.

Il-PN sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ilu xhur twal li sejjaħ għat-tkeċċija tad-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli, “madankollu għadda dan iż-żmien kollu, mietu ammont ta’ nies u baqa’ ma sar xejn.”

Beppe Fenech Adami qal li illum il-Ministru Byron Camilleri għandu f’ħoġru rapport ta’ inkjesta li jikkundanna bl-aktar mod assolut il-mod kif taħtu tmexxa il-ħabs. “Għal dan il-falliment huwa responsabbli politikament il-Ministru Byron Camilleri. Il-persuna li taħt l-awtorità tagħha seħħ dan il-kollass totali.”

Il-PN qal li l-Ministru Byron Camilleri għandu jitlob apoloġija għall-mod kif għatta l-abbuż, iddefenda l-ħażin u rreaġixxa biss meta s-sitwazzjoni ħarbet min idejh. “Għal din ir-raġuni Robert Abela għandu b’mod immedjat ineħħi lill-Ministru Byron Camilleri mill-kariga ta Ministru,” temm jgħid Beppe Fenech Adami.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com