Inawgurat Ċentru Għall-Kura Ġerjatrika F’San Vinċenz De Paul

 Inawgurat Ċentru Għall-Kura Ġerjatrika F’San Vinċenz De Paul

F’San Vinċenz de Paul, illum ġie inawgurat ċentru li se jkun qed jispeċjalizza fil-kura ġerjatrika. Dan iċ-ċentru huwa parti sostanzjali mill-investiment ta’ €9 miljun li sar fil-kumpless Rużar Briffa.

Iċ-ċentru ġie inawgurat matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li d-diċentralizazzjoni tas-servizzi tas-saħħa hija fattur importanti biex jibqa’ jkollna l-aqwa servizzi tas-saħħa f’pajjiżna. “Hawnhekk f’din il-binja fl-isptar San Vinċenz se jkollna servizzi speċjalizzati u mmirati għall-anzjani tagħna, mhux biss dawk residenti f’din il-binja, iżda wkoll fi djar oħra tal-anzjani u anzjani fil-komunità. Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-ispeċjalisti fl-Isptar Mater Dei,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa rringrazzja lill-istaff taż-żewġ entitajiet tal-ħidma tagħhom, ħidma li se tissarraf f’servizzi aktar immirati lill-anzjani.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li dan l-investiment huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qegħdin isiru u li hemm ippjanati biex San Vinċenz de Paul jinbidel minn residenza għall-anzjani għal ċentru ta’ eċċellenza. Huwa semma fost oħrajn il-proġetti li saru riċentament, fosthom il-proġett Rużar Briffa, Dar Narċis, il-pixxina terapewtika, il-gymnasium, id-digital x-ray department u r-rinovar li sar fis-swali.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li ċ-ċentru jinkludi 13-il klinika ta’ konsultazzjoni li minnhom, it-timijiet multidixxiplinarji ta’ professjonisti minn San Vinċenz de Paul u l-Isptar Mater Dei, se jkunu qed jagħtu kura speċjalizzata u integrata lill-anzjani. Dawn is-servizzi kollha se jibdew jiġu offruti taħt l-istess saqaf u se jingħataw kemm lir-residenti f’San Vinċenz de Paul kif ukoll lill-anzjani li jgħixu fi d-djar tal-anzjani u eventwalment anke lil anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità.

Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll sala, li fiha 36 sodda, li toffri kura intermedjarja lil dawk il-pazjenti anzjani li jkollhom bżonn, b’mod temporanju, jagħmlu ftit tal-jiem taħt osservazzjoni.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li l-kliniċi huma speċjalizzati fl-ENT, fiżjoterapija, oftalmoloġija, vaskulari u d-dermatoloġija, fost oħrajn.

Dan iċ-ċentru se jservi biex jitnaqqsu z-żjarat fl-emerġenza u d-dħul fl-isptarijiet, kif ukoll biex l-anzjani jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti. Se jservi wkoll bħala out-patients għall-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità u bħala pre-assessment clinic għall-persuni li japplikaw għal kura fit-tul.

Il-kliniċi għandhom faċilitajiet moderni u li jiffrankaw l-enerġija, inkluż art tal-vinyl, sistemi HVAC ġodda, servizzi mekkaniċi, elettriċi u sanitarji ġodda, inklużi oxygen points u sistemi ta’ sejħa għall-infermiera.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com