220 Triq Residenzjali Ġdida Fl-2021
L-aġenzija Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 220 triq residenzjali oħra fl-2021, medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa, waħda aktar fil-ġimgħa minn kemm lestiet is-sena ta’ qabel.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Triq l-Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-Ministru Ian Borg semma li riżultat bħal dan ifisser li l-eluf ta’ familji li jgħixu f’dawn it-toroq issa se jkunu qed igawdu minn ambjent aħjar u aktar sigur. “Tajjeb infakkru li dan mhux l-uniku proġett li għaddejjin bih bħalissa. Irridu ngħidu li dawn ir-riżultati pożittivi qegħdin jinkisbu fl-istess waqt li madwar pajjiżna qed isiru u anke saru proġetti massivi kapitali u infrastrutturali bħall-Marsa Junction, il-mini ta’ Santa Luċija, il-belvedere ta’ Triq Għeriexem, il-breakwater tal-Qrejten u s-Central Link, li se nkunu qed ninawgurawha fl-jiem li ġejjin.”
Il-Ministru għamel referenza wkoll għall-programm fit-tul li qed twettaq l-aġenzija sabiex fejn ikun hemm l-ispazju meħtieġ, din tħaddar dawn it-toroq u l-inħawi residenzjali oħrajn b’siġar, arbuxelli u pjanti ġodda.
Il-programm nazzjonali għal toroq residenzjali aħjar f’Malta issa qed jidħol fir-raba’ sena tiegħu. L-aġenzija Infrastructure Malta bħalissa għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ aktar minn 100 triq oħra filwaqt li xogħlijiet fuq oħrajn ser jibdew dalwaqt.
F’dawn il-220 triq Infrastructure Malta żiedet jew bniet mill-ġdid aktar minn 58 kilometru ta’ bankini u qiegħdet 141 kilometru ta’ servizzi ġodda għad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art. Sabiex lestew il-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq, il-kuntratturi tal-aġenzija użaw 121,552 tunnellata asfalt.
Ritratti: DOI