Inawgurat Iċ-Ċentru Tar-Riżorsi Fl-MCAST B’Investiment Ta’ €9.3 Miljun

 Inawgurat Iċ-Ċentru Tar-Riżorsi Fl-MCAST B’Investiment Ta’ €9.3 Miljun

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura ċ-Ċentru tar-Riżorsi fl-MCAST, b’investiment ta’ €9.3 miljun, ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Imqassam fuq erba’ sulari fuq medda ta’ 7,920 metru kwadru, dan iċ-ċentru se jgawdu minnu eluf ta’ studenti, kemm dawk full-time u anke dawk part-time.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li ma nistgħux inħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu, jekk illum ma ninvestux fil-ħiliet ta’ għada.

“L-edukazzjoni trid tkun il-bażi tal-prosperità ġdida li rridu nibnu flimkien. Irridu naraw studenti ħielsa jimirħu fl-oqsma għal qalbhom, kritiċi jaħsbu u jaħdmu biex jagħmlu soċjetà differenti u aħjar. Irid ikun ukoll għada li jara setturi ġodda jikbru u li jarana kompetittivi u aktar attraenti minn pajjiżi oħra. Għaliex qegħdin ninvestu kmieni fil-kapital uman.”

Il-Prim Ministru sostna li l-edukazzjoni hi dik li twittilna t-triq biex nisfruttaw l-opportunitajiet li joffri dan il-pajjiż.

Prime Minister Robert Abela, Minister for Education and Sports Clifton Grima and Parliamentary Secretary for European Funds Stefan Zrinzo Azzopardi inaugurate the MCAST Resource Centre – MCAST, Gate 3, Triq il-Baċir, Paola – 15-2-2021

“F’dan il-pajjiż irridu naħdmu biex kulħadd ikun jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu, u meta ngħidu li din Malta li rridu għal uliedna, inkunu qegħdin nirreferu għal Malta fejn bil-ħila tiegħek tasal fejn tixtieq. Għalhekk, dan l-investiment li qegħdin ninawguraw illum imur lil hinn mill-binja nnifisha. L-investiment fl-infrastruttura edukattiva huwa investiment dirett fl-istudenti u l-edukaturi. Meta nsostni li rridu naħdmu biex nilħqu livelli ġodda, l-edukazzjoni mhux eċċezzjoni.”

B’referenza għall-investiment li qed isir fis-settur edukattiv u għar-riżultati pożittivi li qed jinkisbu, il-Prim Ministru sostna li dan hu biss il-bażi u r-raġuni għaliex il-gvern irid jikseb riżultati aqwa u aħjar.

Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST Prof. Joachim James Calleja qal li, “Iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST (MRC) huwa bini b’faċilitajiet mill-aktar avvanzati. Fih hemm spazju għat-tagħlim, għall-wirjiet, kif ukoll ħidma li tinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Aħna rridu nipprovdu lill-istudenti u lill-istaff l-aqwa servizzi, għażliet u għajnuniet fit-tagħlim fl-istess post fejn huma jitgħallmu u jaħdmu. Il-kampus tal-kulleġġ se jkun aċċessibbli għall-komunità inġenerali, u r-riżorsi għandhom jiġu użati b’mod effettiv biex nippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja”.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima qal li l-investiment infrastrutturali huwa importanti għall-iżvilupp tal-ambjent fiżiku, imma wkoll li permezz tiegħu nkunu qed inkomplu ninvestu fl-istudenti u fl-edukaturi tagħna.

“B’din il-binja, mhux qed naraw biss l-investiment infrastutturali, li huwa importanti, imma qed naraw investiment sħiħ fl-istudenti, l-edukaturi u l-letturi. Dan huwa spazju li permezz tiegħu qed immorru pass kbir ’il quddiem, għaliex huwa wieħed innovattiv li se jservi għall-iffaċilitar tal-komunikazzjoni lil hinn mill-klassi. Ninsab kuntent li l-MCAST għaddej mhux biss bl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tiegħu, imma wkoll biex ikompli jressaq l-istudent lejn id-dinja tax-xogħol f’ambjent li jixraq għaż-żmien tal-lum,” qal il-Ministru Grima.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-proġett, l-MCAST se jkollu aktar faċilitajiet tal-ogħla kwalità għall-istudenti u għall-għalliema, għaliex l-edukazzjoni għal dan il-gvern hija dejjem prijorità għax jemmen li l-pajjiż għandu jinvesti fir-riżors ewleni tiegħu, jiġifieri r-riżors uman.

Is-Segretarju Parlamentari saħaq li dan huwa proġett ieħor li qed isir b’ko-finanzjament ta’ fondi Ewropej. Dan juri kemm dan il-gvern huwa determinat li jkompli l-ħidma li twettqet f’dawn l-aħħar snin, fejn għamilna investimenti kbar permezz ta’ fondi Ewropej fil-qasam tal-edukazzjoni.

Il-binja, li tifforma parti mill-pjazza ċentrali tal-kampus, tiġbor fiha numru ta’ attivitajiet tal-kulleġġ, fosthom iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-MCAST, Learning Support Unit kif ukoll Ċentru tar-Riżorsi u l-librerija. Id-disinn jinkludi l-aktar teknoloġija moderna li tiffranka l-enerġija.

Fi ħdan l-MRC se jkun hemm diversi faċilitajiet u servizzi għall-istudenti, fosthom żewġ spazji għall-esebizzjoni, auditorium, 14-il uffiċċju għad-diretturi u għall-managers, żewġ boardrooms, 16-il klassi, kafetterija, librerija maqsuma fuq żewġ sulari, kif ukoll spazju fejn wieħed jista’ jaħdem u jistudja.

Il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020 (ERDF).

Ritratti: DOI, OPM

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com