Ara X’Għamlu Fil-Ħin Liberu Tagħhom Dawn L-Istudenti…
Hekk kif ninsabu fil-jiem tal-karnival, matul l-aħħar ġimgħat studenti tar-4 u l-5 sena tal-iskola ta’ Stella Maris, il-Gżira waqt il-ħin liberu tagħhom iddedikaw ħinhom biex jibnu karru li se jkun qed jintuża f’attività li se tkun imtella’ mill-istudenti tal-iskola f’Mejju.
Dan il-karru jirrappreżenta bastimenti navali maqsum fit-tnejn biex jirrappreżenta battalja bejn pirati u armata navali Ingliża.
Però nhar is-Sibt li għadda dan il-karru ntuża wkoll waqt attività tal-karnival għat-tfal li l-Patrijiet Franġiskani fil-Ħamrun tellgħu bit-tema, ‘Bil-Pirati armajna u ħdejn il-Knisja iltqajna’.
L-istudenti selfu dan il-karru biex joħolqu atmosfera sabiħa waqt din l-attività għat-tfal u b’hekk xogħolhom kien apprezzat minn aktar nies.
Dan il-proġett sar ukoll bl-għajnuna tal-għalliema kif ukoll bis-sapport tas-Surmast li ta l-opportunità lill-istudenti jesprimu l-kapaċitajiet u talenti tagħhom.
Prosit lil dawn l-istudenti tal-inizjattiva li ħadu!