Jingħata Bidu Għall-Proġett Ta’ Afforestazzjoni Fil-Park Tal-Inwadar
Hekk kif imwiegħed fil-Budget 2022, qed jingħata bidu għall-proġett ta’ afforestazzjoni fil-Park Nazzjonali tal-Inwadar, b’investiment totali ta’ €20 miljun fuq medda ta’ ħames snin.
Permezz ta’ dan l-investiment, se jitħawwlu mal-50,000 siġra li se jagħmlu minn dan il-masġar akbar minn dak tal-Buskett.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif Parks Malta għaddejja bit-tfassil tal-pjan maniġerjali għal Park Nazzjonali tal-Inwadar biex jiġu identifikati ż-żoni differenti li huma art agrikola, art privata jew imqabbla.
Bħalissa, Parks Malta għaddejja bix-xogħol preparatorju permezz ta’ tindif tas-siti f’dan il-park minn speċi aljeni u invażivi.
“Qed ninvestu €4 miljun fis-sena biex ikollna masġar fin-nofsinhar ta’ Malta, li jsaħħaħ il-biodiversità u jkun sostenibbli,” qalet Miriam Dalli, filwaqt li spjegat li l-ilma użat għat-tisqija se jkun minn New Water.
Il-proġett se jinkludi trekking paths u spazji għal picnics.
Il-Ministru Dalli qalet li se jkun qed jiġi appuntat steering committee bil-għan li jmexxi ‘l quddiem dan il-proġett ambizzjuż li jkopri 315,000 metru kwadru ta’ art. Il-kumitat se jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ Parks Malta u tal-Bord tal-Governanza tal-Inwadar, esperti fis-siġar, rappreżentanti tal-periti, u rappreżentanti mis-settur agrikolu fost oħrajn.
Fost ir-responsabilitajiet tiegħu, il-kumitat irid jagħti direzzjoni strateġika, jistipula l-miri u jara li dawn il-miri jintlaħqu, jara li l-proċess miexi skont il-pjan u jindirizza kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu matul l-implimentazzjoni tal-proġett.
“Huwa proġett ambizzjuż imma fattibbli u se naraw li jitwettaq. Irridu li dan il-park ikun aċċessibbli u jitgawda minn kulħadd, inkluż il-familji u ż-żgħażagħ li jiġu jżuruh,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Dr Steve Borg, chairperson tal-Bord tal-Governanza tal-Inwadar, qal: “Il-progress fit-tiswir tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar jidher f’diversi oqsma. Kompla t-tindif metodiku ta’ tnehhija ta’ konkos li kien ilu mitluq fuq ix-xtajta, ġiet ippubblikata s-sejħa biex issir il-pjattaforma rikrejjattiva, ħarġet sejħa biex jitnaddaf bir qanpiena fil-Masġar ta’ San Anard, temmejna b’suċċess l-attivita’ tal-Arti fil-Park u saħħaħna l-monitoraġġ tas-CCTV b’aktar kameras.
“Fuq dan kollu rajna wkoll żieda ta’ viżitaturi li ta’ kuljum qegħdin igawdu l-isbuħija tal-park li qegħdin nagħtuh lura wara tant snin ta’ abbandun.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard tenna li l-pjan maniġerjali mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar. “Dan il-pjan se jgħin biex nattwaw ir-riġenerazzjoni ta’ mhedded ta’ art bit-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli ġodda, addattati għat-tipoloġija tal-inħawi filwaqt li nħarsu l-biodiversita f’dan il-park,” qal is-Sur Attard.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, is-Sur Anthony Gatt, u Periti Studios.
Ritratti: DOI