Jitħabbru D-Dettalji Tat-Tieni Proġett Iffinanzjat Mill-Housing Development Fund

 Jitħabbru D-Dettalji Tat-Tieni Proġett Iffinanzjat Mill-Housing Development Fund

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes nieda t-tieni mis-seba’ proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana u investiment fil-komunità, li se jsiru permezz tal-intervent tal-Housing Development Fund, fond speċjali fi ħdan l-Awtorità tad-Djar.

Dan il-proġett se jieħu l-forma ta’ xogħlijiet estensivi f’kumpless sportiv f’Ħal-Qormi, speċifikament dak amministrat mill-Qormi Football Club Youth Nursery. Il-proposta tal-youth nursery tikkonsisti fi proġett tar-rinnovar tad-dormitorju u l-faċilitajiet anċillari.

Il-Housing Development Fund qed tgħaddi s-somma ta’ €30,000 biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa f’dan id-dormitorju u l-bqija tal-faċilitajiet biex ikun jista’ jintuża regolarment għal training camps u attivitajiet oħra fi grupp.

Il-Ministru Roderick Galdes tenna li “b’dan il-proġett qed ngħinu lit-tfal u ż-żgħażagħ jitħarrġu, jitgħallmu u jikbru fil-futbol, imma fuq kollox, jikbru fil-karattru tagħhom ukoll bħala atleti żgħar. Il-Ministru  Galdes sostna li “għalhekk dan il-proġett jiġbor fih l-għan tal-Housing Development Fund, li jkun strument biex nagħmlu komunitajiet aħjar.”

Iċ-Chairperson tal- Housing Development Fund Charmaine Mangion tenniet li l-iżvillupp fil-komunitajiet tagħna huwa kruċjali. Dan għaliex, joffri qafas sod lis-soċjetà fejn qed tattira u s-sostni l-benessere, opportunitajiet u talenti, investimenti u fuq kollox ambjent aħjar fil lokalitajiet.

“Qed ninvestu b’mod dirett fit-talenti, saħħa u kwalità ta’ ħajja aħjar. U dan huwa fil-fatt, l-għan ewlieni tal-Housing Development Fund” qalet iċ-Chairperson. “Permezz ta’ dan il-proġett, qed noffru liż-żgħażagħ tagħna opportunitajiet aħjar fl-isport, fejn mhux biss huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa fiżika iżda anke dik mentali, bl-istess mod qed naċċertaw illi l-aspett soċjali ukoll qiegħed jiġi indukrat.”

Hija għalqet billi saħqet “li b’hekk ninsab verament grata, illi qed nagħtu leħen u spazju għal proġetti soċjali illi jagħmlu differenza fl-għejxien ta’ kull ċittadin.”​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com