Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul Ipparteċipa Fis-6 Sessjoni Plenarja Tal-Konferenza Dwar Il-Futur Tal-Ewropa

 Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul Ipparteċipa Fis-6 Sessjoni Plenarja Tal-Konferenza Dwar Il-Futur Tal-Ewropa

“Malta bħala Stat Membru fil-periferija tal-Unjoni Ewropea hija kuntenta bl-attenzjoni li qed tingħata lill-kwistjoni tal-migrazzjoni u l-aspetti varji tagħha, miċ-ċittadini fi ħdan il-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa”

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kien qed jitkellem waqt is-sitt sessjoni Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, eżerċizzju konsultattiv madwar l-UE kollha li jpoġġi liċ-ċittadini fil-qalba tad-diskussjonijiet politiċi mmirati biex jiddeterminaw il-futur tal-Unjoni Ewropea.

Is-Sessjoni Plenarja, li saret fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, bejn it-8 u d-9 ta’ April, kienet tifforma parti mill-proċess usa’ tal-Konferenza li beda f’Mejju tal-2021, u għandu jagħlaq fir-rebbiegħa tal-2022.

Is-Segretarju Parlamentari pparteċipa wkoll fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Konferenza dwar il-Migrazzjoni, fejn enfasizza li filwaqt li l-migrazzjoni hija meqjusa bħala waħda mill-aktar kriżijiet ta’ sfida tal-UE, din qed tiggrava mis-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna.

Waqt is-sessjoni plenarja, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul fakkar ukoll li Malta ilha tiffaċċja sfidi ta’ migrazzjoni irregolari, u filwaqt li n-nazzjonalitajiet ivarjaw, l-isfidi huma simili.

Huwa enfasizza l-ħtieġa għal progress tanġibbli u konkret fid-diskussjonijiet leġiżlattivi dwar ir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, b’tali mod li tiżgura bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà.

“M’għandnix għalfejn nistennew kriżi biex naġixxu b’mod kollettiv. L-Istati Membri għandhom bżonn assigurazzjonijiet li jekk jinħoloq il-bżonn, is-solidarjetà inkluż ir-rilokazzjoni, tkun garantita,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Ellul.

Fit-tmiem id-diskors tiegħu, hu rrimarka li l-isforzi fuq id-dimensjoni interna m’għandhomx jillimitaw lill-UE milli ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u filwaqt li l-progress fiż-żewġ oqsma huwa kruċjali, huwa meħtieġ għaġir ħolistiku biex jippromwovi l-migrazzjoni legali u jnaqqas il-qsim irregolari.

L-aħħar sessjoni Plenarja tal-Konferenza li jmiss se ssir fid-29 u t-30 ta’ April, segwita minn avveniment li għandu jġib fi tmiemu b’mod uffiċjali l-konferenza fid-9 ta’ Mejju, 2022.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com