Ix-Xgħajra Titlef L-Unika Kunsilliera Tal-PN
“Minflok għenuni biex inkompli l-ħidma sfiqa fost in-nies, għasruni u remewni.”
Dan kien il-messaġġ li waslet il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Doris Borg fuq il-mezzi soċjali tagħha tard ilbieraħ filgħaxija, hekk kif issa l-proċess elettorali ġie fi tmiem.
Fil-messaġġ tagħha Borg qalet li hi temmen fil-politika għax hija l-għodda li permezz tagħha tkun qrib tan-nies u għan-nies li għalihom tagħmel dak kollu possibbli biex tgħinhom mill-aħjar li tista’. Hi kitbet li tul ħajjitha hekk għamlet speċjalment f’dawn l-aħħar 10 snin.
Doris Borg, għalliema u kunsilliera Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tax-Xgħajra qalet li matul il-kampanja elettorali seħħew avvenimenti xejn pjaċevoli u li weġġgħu lilha direttament.
“Fuq it-2 Distrett konna żewġ kandidati nisa. B’dispjaċir kbir ngħid li promozzjoni kbira, speċjalment fuq il-media tal-partit, ġiet mogħtija lill-kandidata l-oħra, filwaqt li jien ġejt imwarrba u tista’ tgħid mitfugħa għal kollox fil-ġenb. Dan irrifletti sew fuq ir-riżultat li ksibt,” saħqet Borg.
Hija kompliet tgħid li mhux biss ġiet iddiskriminata imma d-dinjita’ tagħha ġiet ikkalpestata.
Doris Borg li hija magħrufa fix-Xgħajra kemm tgħin studenti li jsibu sfidi edukattivi qalet li se tkun qed tirriżenja mill-PN u ħa tibqa’ taqdi dmirha bħala Kunsilliera Indipendenti.
Hija temmet tgħid li se tkompli sservi lil kulħadd bl-ikbar sinċerità u lealtà.