Sant Iwissi Dwar L-Implimentazzjoni Ta’ Sanzjonijiet Kontra R-Russja Li Jwasslu Għal Konsegwenzi Kontroproduttivi Fl-Ewropa

 Sant Iwissi Dwar L-Implimentazzjoni Ta’ Sanzjonijiet Kontra R-Russja Li Jwasslu Għal Konsegwenzi Kontroproduttivi Fl-Ewropa

Fl-intervent tiegħu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar l-aħħar żviluppi tal-gwerra kontra l-Ukrajna, l-eks Prim Ministru Alfred Sant wissa li fl-implimentazzjoni ta’ aktar sanzjonijiet kontra r-Russja, l-Unjoni Ewropea trid toqgħod attenta li ma timponix miżuri punittivi li jispiċċaw iweġġgħuha aktar fuq żmien qasir jew medju milli jweġġgħu lir-Russja. Inkella, dan jista’ jkollu konsegwenzi kontroproduttivi kemm f’termini ta’ deterrent kif ukoll ta’ opinjoni pubblika Ewropea. Sant iżda rrikonoxxa li aktar ma s-sanzjonijiet Ewropej ikunu qawwija u iebsa aktar isiru effettivi.

Sant sostna li “il-bilanċ tal-miri differenti li jridu jintlaħqu, huwa proċess delikat bl-għan aħħari li jwassal għat-tmiem tal-gwerra tal-Ukrajna kemm jista’ jkun malajr, nisperaw li llum”.

Il-plenarja kienet qed tiddiskuti u tivvota dwar il-konklużjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-24-25ta’ Marzu 2022, inkluż l-aħħar żviluppi fil-gwerra kontra l-Ukraina u s-sanzjonijiet Ewropej kontra r-Russja u l-implimentazzjoni tagħhom. F’riżoluzzjoni konġunta, il-Membri Parlamentari Ewropej talbu għal projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet Russi ta’ żejt, faħam, fjuwil nukleari u gass. Lil hinn minn dan, il-Membri Parlamentari Ewropej talbu għall-esklużjoni tal-banek Russi mis-sistema SWIFT u projbizzjoni fuq l-aċċess għall-ibħra territorjali tal-Unjoni Ewropea minn bastimenti Russi u fuq it-trasport bit-triq tal-merkanzija mir-Russja u lejn il-Belarus. Emenda għall-abbozz oriġinali sejħet għal projbizzjoni immedjata fuq il-fjuwils kollha importati lejn l-Ewropa mir-Russja.

Sant stqarr li l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna u l-modi brutali li bihom iddaħħlet fis-seħħ imminaw kważi għal kollox it-talbiet storiċi u ġeopolitiċi kollha li ġew avvanzati b’mod validu biex jargumentawkontra l-espansjoni tan-NATO lejn il-Lvant. Il-MPE Laburista enfasizza li kwalunkwe gwadann militari jew diplomatiku Russu mill-hekk imsejħa operazzjoni militari speċjali tagħha se jkun illegali. Dan apparti kwalunkwe akkużi ta’ delitti tal-gwerra li qed jiġu sostnuti kontra r-Russja, huwa saħaq.

Sant ivvota kontra l-emenda li titlob projbizzjoni immedjata u totali fuq l-importazzjoni tal-fjuwil mir-Russja, li għaddiet minn maġġoranza sostanzjali tal-Membri Parlamentari Ewropej. Madanakollu huwa ivvota għar-riżoluzzjoni konġunta kif emendata. Din ġiet adottata b’513-il vot favur, 22 kontra u 19-il astensjoni. In-numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej assenti għall-vot kien sinifikanti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com