Investiment Ta’ €735,000 Bejn Il-Gvern U L-Privat Fil-Park Tal-Majjistral
Hekk kif qed tiġi organizzata l-ewwel Green Fair f’Malta mtella’ għall-Jum Internazzjonali għad-Dinja, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret investiment totali ta’ €735,000 għall-Park tal-Majjistral, minn imsieħba varji.
Bil-ftehim iffirmat bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Heritage Parks Foundation, l-ERA se tkun qed tinvesti €375,000 fil-Park tal-Majjistral għar-restawr tal-abitat u l-forestazzjoni. Flimkien ma’ dan il-ftehim, numru ta’ entitajiet privati nvestew €360,000 f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni fiż-żona tal-Barracks ġewwa l-istess park. B’hekk l-investiment totali huwa ta’ €735,000.
“Ir-riġenerazzjoni sħiħa u kontinwa fil-Park tal-Majjistral hija neċessarja mhux biss biex il-Park ikompli jisbieħ iżda biex nassiguraw il-protezzjoni ekoloġika ta’ dan il-Park,” qalet il-Ministru Dalli.
“Fost ix-xogħol li se jkun qed isir huwa restawr tas-sand dunes f’Għajn Tuffieħa, fejn se jiġu introdotti speċi rari u indiġeni kif ukoll riġenerazzjoni ta’ xi żoni. Se jkunu qed jitħawlu siġar u pjanti addattati għal kliema ta’ dawn l-inħawi, filwaqt nassiguraw li dawn iż-żoni jiġu miżmuma nodfa,” żied il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca.
Il-President tal-Heritage Parks Foundation, Martin Galea qal: “Il-ftehim li ffirmajna mal-ERA se jkun qed iwassal sabiex inkunu f’pożizzjoni li nagħmlu aktar xogħol ta’ tisbiħ fil-Park tal-Majjistral. B’hekk dan jikkumplimenta tajjeb ma għajnuniet li nirċievu minn kumpaniji privati. Dawn l-għajnuniet huma bżonnjużi sabiex inwettqu diversi proġetti biex noffru esperjenza sabiħa lil kull min jżur dan il-Park”.
Il-Ministru Dalli żaret ukoll xogħol ta’ restawr, b’investiment ta’ €360,000 fuq binjiet u strutturi fiż-żona tal-Barracks fil-Park tal-Majjistral. Dan ix-xogħol sar grazzi għal sponsorships minn diversi kumpaniji lokali : Corinthia Foundation, Gasan Foundation, Kummer & Vanotti, Mapfre, Melita Foundation, Pragmatic Play u PwC.
Il-Ministru Dalli kompliet iżżur il-fiera, fejn qed jinbigħu diversi prodotti sostenibbli li jvarjaw minn prodotti għad-dar, tal-moda u s-sbuħija, tal-ikel, u tal-ġardinaġġ fost oħrajn.
Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Park tal-Majjistral se inbidel f’żona għall-attivitajiet fejn se jkun hemm diversi taħditiet u workshops. Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jitgħallem mill-esperti u jsib soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum. Uħud mill-aktar workshops popolari jinkludu ‘Balcony Gardening’, ‘Making Sustainable Decisions’ immexxi minn coach internazzjonali, ‘Treasures of the Seas’ sponsorjat minn Free Hour Malta, u ‘Discovering Malta with Eco Sports’.
Hemm żewġ żoni ddedikati għat-tfal, immirati sabiex iwessgħu l-għarfien tagħhom u jifhmu aktar ir-riżorsi naturali tad-Dinja bħal mhuma l-enerġija, l-arja, l-ilma, il-ħamrija u l-ħajja fis-selvaġġ.
Il-fiera tkompli illum, mill-11am sas-6pm.
Ritratti: DOI