Il-Malta Public Transport Iżid Żewġ Karozzi Tal-Linja Ġodda Elettriċi
Se jiżdiedu żewġ karozzi tal-linja zero-emission u 100% elettriċi mal-flotta skedata tat-trasport pubbliku f’Malta, ħabbar il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, flimkien maċ-Chairman tal-Malta Public Transport (MPT) Felipe Cosmen.
Dawn il-karozzi tal-linja se joperaw fuq rotot tat-trasport pubbliku f’Malta permezz ta’ investiment ta’ miljun ewro.
“It-trasport għandu rwol vitali fis-soċjetà tagħna u fl-ekonomija tagħna. Il-kwalità tal-ħajja tagħna tiddependi fuq sistema tat-trasport effiċjenti, aċċessibbli u nadifa. It-trasport għandu wkoll impatt sinjifikanti fuq l-ambjent tagħna u b’domanda dejjem tikber għal servizzi tat-trasport aktar ekoloġiċi, jeħtieġ li niżguraw li s-sistema tat-trasport pubbliku nazzjonali tagħna tkun mgħammra tajjeb biex tindirizza dawn l-isfidi. Il-flotta attwali hija magħmula minn karozzi li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent, iżda issa wasal iż-żmien li gradwalment naqilbu għal karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku. L-investiment tal-lum huwa biss il-bidu tal-pjan ta’ dekarbonizzazzjoni u se jkompli jkun kumplimentat mill-iskema tat-trasport pubbliku b’xejn li se tiddaħħal fl-1 ta’ Ottubru ta’ din is-sena. B’approċċ ħolistiku, miżuri bħal dawn se jwasslu għal futur aħjar u aktar nadif għalina lkoll,” qal il-Ministru Farrugia.
“Bħala MPT aħna kburin li qed inkunu parti mis-soluzzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fil-gżejjer tagħna permezz ta’ investiment kontinwu f’soluzzjonijiet nodfa għat-trasport pubbliku”, qal iċ-Chairman tal-MPT Felipe Cosmen. Spjega li l-kumpanija kontinwament twettaq market research biex tevalwa soluzzjonijiet li joffru alternattivi konvenjenti u affidabbli għat-trasport privat. L-esperjenza internazzjonali tal-kumpanija tippermettilha tuża l-għarfien estensiv tagħha fl-industrija tat-trasport fil-kuntest ta’ Malta.
Sa mill-bidu tal-operat tagħha fl-2015, MPT bidlet il-flotta eżistenti tagħha, b’aktar minn 300 vettura ġdida mgħammra bl-aħħar magni ewro 6. B’hekk, il-flotta tagħna hija fost l-aktar flotot ta’ trasport pubbliku ġodda u nodfa fl-Ewropa.
“It-trasport pubbliku huwa attur importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Aħna mhux biss kommessi li naħdmu favur l-ambjent imma nemmnu wkoll li għandna mmexxu bl-eżempju, u dan l-investiment juri biċ-ċar li s-sostenibbiltà dejjem se tkun fuq l-aġenda tagħna,” qal is-Sur Cosmen.
Ritratti: DOI