“L-Oppożizzjoni Lesta Tappoġġja U Tgħin Lill-Gvern Biex Innaqqsu L-Emmissjonijiet Ta’ Co2 Fil-Gżejjer Tagħna” – Il-PN
“Fid-diskors tal-President fil-ftuħ tal-Parlament, il-gvern wiegħed li se jipprijoritizza l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Lanqas għaddiet ġimgħa u l-gvern diġà waqqaf is-sussidji li jinċentivaw ix-xiri tal-karozzi Hybrid.”
Dan qaluh il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Trasport, Mobilitá u l-Proġetti Kapitali Adrian Delia flimkien mal-Kelliema għat-Tibdil fil-Klima Eve Borg Bonello.
Huma tennew li dan jista’ jkun żball jew nuqqas ta’ kommunikazzjoni bejn il-Ministeri. Madanakollu l-PN qed jappella mhux biss biex dawn is-sussidji jibqgħu jingħataw, imma biex jiġu miżjuda u estiżi. “Speċjalment fil-konfront tal-kriżi fit-tibdil fil-klima, speċjalment f’pajjiż fejn il-gvern u l-oppożizzjoni ddikjaraw emerġenza fil-klima fil-parlament fit-22 ta’ Ottubru 2019.”
Fi stqarrija l-Kelliema qalu li l-aħbarijiet riċenti mhuma inkoraġġanti xejn, speċjalment meta wieħed jikkunsidra stqarrija partikolari ta’ xjentisti prominenti. “Huma wissew li fil-ħames snin li ġejjin għandna nistennew żieda fit-temperatura ta’ 1.5 gradi celcius.”
“It-theddida tat-tibdil tal-klima hi waħda serja għall-aħħar, partikolarment f’pajjiż bi klima Mediterranja sħuna minnha nfisha. Għal Malta, it-tibdil fil-klima konkretament ifisser sjuf eħrex, maltempati eħrex, estinzjoni ta’ speċi diversi, livell ta’ baħar ogħla, u deżertifikazzjoni allarmanti. Huwa għalhekk mela li l-gvern irid bilfors jieħu azzjonijiet assertivi u proattivi, sabiex nilħqu t-tiri Ewropej tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija u l-infrastruttura,” saħqu Adrian Delia flimkien ma’ Eve Borg Bonello.
Huma komplew jappellaw lill-Gvern li f’sitwazzjoni daqstant prekarja għandu jwettaq il-proposti ambjentali li hu stess wiegħed. “Il-karozzi f’Malta joħolqu ammont kbir tal-emmissjonijiet, li mhux biss huma devastanti għall-ambjent naturali imma wkoll qed jikkawżaw il-mard, fejn 500 persuna mietu kaġun tat-tniġġis fl-arja fl-aħħar sentejn. B’dir-rata, qed nissugraw li nkomplu nkunu esposti għal iktar tniġġis. Statistika inkwetanti tal-Eurostat turi li l-poplu Malti diġà hu l-iktar poplu espost għal tniġġis fl-Ewropa,” sostnew il-Kelliema tal-PN.
Il-PN qed jappella mhux biss biex dawn is-sussidji jibqgħu jingħataw, imma biex jiġu miżjuda u estiżi kemm fuq karozzi hybrid u dawk elettriċi.
Il-PN temm jgħid li l-oppożizzjoni lesta tappoġġja u tgħin lill-gvern biex innaqqsu l-emmissjonijiet ta’ Co2 fil-gżejjer tagħna, u ningħaqdu biex nissuperaw sfida globali. “Sabiex nagħmlu hekk irridu ngħinu liċ-ċittadini tagħna b’inċentivi għal karozzi li ma jniġġsux.”