Jibda T-Tisqif Tal-Imrieħel Underpass Minn Infrastructure Malta

 Jibda T-Tisqif Tal-Imrieħel Underpass Minn Infrastructure Malta

Infrastructure Malta (IM) bdiet tqiegħed f’posthom it-travi tal-konkos li se jservu ta’ sapport għat-travi li se jsaqqfu l-Underpass il-ġdid tal-Imrieħel. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt żjara flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Trustin Farrugia Cann.

Permezz tal-proġett tal-Underpass tal-Imrieħel, li tnieda s-sena li għaddiet, qed tinbena mina ġdida ta’ 60 metru li tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction maġenb l-uffiċċji tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji.

IM qed tippjana li tiftaħ dan l-underpass għall-vetturi fl-aħħar ta’ Settembru, filwaqt li r-roundabout ta’ fuq l-underpass se titlesta sal-aħħar tas-sena.

Fi Frar, IM lestiet it-tħaffir tal-underpass u bdiet tqiegħed 290 pannella tal-konkos ‘precast’, sabiex permezz tagħhom jiġu ffurmati l-ħitan. Din il-ġimgħa, il-ħaddiema għollew f’posthom l-ewwel minn 16-il travu tal-konkrit ‘prestressed’, li kull wieħed minnhom jiżen sitt tunnellati u li se jsostnu s-saqaf tal-mina. Meta l-mina tkun lesta, Infrastructure Malta se tkompli x-xogħlijiet fuq ir-roundabout il-ġdida ta’ fuqha, flimkien ma’ crossings ġodda għal min ikun qed juża r-rota jew jimxi, flimkien ma’ landscaping ġdid.

Il-Ministru Farrugia qal li dan l-investiment se jkompli jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u jikkumplimenta bis-sħiħ il-proġett tas-Central Link. Dan il-proġett mhux biss se jindirizza t-traffiku, iżda se jiffoka wkoll fuq it-titjib tas-sigurtà tan-nies, b’mod partikolari billi joħloq passaġġi aktar siguri għal min ikun miexi jew juża rota.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Farrugia Cann qal li t-titjib tat-toroq huwa proċess kontinwu għax il-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar f’pajjiżna jinbidlu kontinwament. “Biex nibqgħu nilqgħu għal dawn il-ħtiġijiet, hemm bżonn inkomplu ninvestu f’toroq aħjar, f’toroq aktar sostenibbli. Proġett wara l-ieħor, ħolqa wara l-oħra tal-istess katina.”

Bl-istess mod li ġie żviluppat il-Proġett tal-Underpass tar-Roundabout ta’ Santa Luċija biex jestendi u jikkumplimenta l-benefiċċji tal-Proġett tal-Marsa Junction tul ir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta, Infrastructure Malta ppjanat li l-Proġett tal-Underpass tal-Imrieħel iżid u jtejjeb l-effetti tal-Proġett tac-Central Link f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel.

L-underpass, li se jkollha żewġ karreġġjati, se tifforma parti mir-roundabout li se tieħu post is-sistema l-antika, dik tat-traffic lights, fil-junction ta’ bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Minn din il-mina, it-traffiku lejn il-Lvant, minn Triq L-Imdina, Ħal Balzan lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Royal Malta Artillery Avenue), se jkunu separati mit-traffiku l-ieħor li normalment jinġabar f’din il-junction.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com