Jitnieda L-Proġett ACSAGO Li Se Jgħin Lill-Piloti Fit-Tħaddim Tal-Ajruplan
Waqt attività f’Esplora, ġie mniedi l-proġett ACSAGO (Active Control Sidestick for Aircraft Ground Operation). Permezz ta’ dan il-proġett, ġiet żviluppata active sidestick li se tassisti lill-pilota sabiex jikkontrolla l-veloċità u d-direzzjoni tal-ajruplan waqt li jkun fuq ir-runway. Dan se jwassal sabiex il-pilota juża inqas kontrolli waqt il-proċess tat-taxiing.
Il-proġett sar b’kollaborazzjoni bejn l-Istitut tat-Teknoloġija Ajruspazjali fl-Università ta’ Malta u l-kumpanija lokali li toffri konsulenza dwar l-avjazzjoni, QuAero Ltd. Il-proġett ġie ffinanzjat permezz tal-programm nazzjonali FUSION R&I, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq li proġetti bħal dawn huma fundamentali fuq livell lokali għaliex itejbu l-operat ta’ diversi ħaddiema. “Dan il-proġett huwa xhieda tal-ħidma eċċezzjonali ta’ diversi riċerkaturi li permezz ta’ kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat iwassal għal proġetti innovattivi bħal dan”, sostna s-segretarju parlamentari.
Iċ‑Chairman Eżekuttiv tal‑Kunsill Malti għax‑Xjenza u t‑Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando sostna li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa dipendenti mill-innovazzjoni. Għaldaqstant, permezz tal-programm FUSION u programmi oħra, l-MCST huwa kommess li jkompli jaħdem qatigħ sabiex jikkultiva l‑innovazzjoni u jinkoraġġixxi r‑riċerka. Huwa tenna li kien permezz tal-finanzjament mill-programm FUSION li dan il-proġett seta’ jasal għall-istadju avvanzat li jinsab fih.
“Aħna nemmnu li t-teknoloġija li żviluppajna f’ACSAGO, flimkien ma’ QuAero Ltd, se tkun ta’ benefiċċju għall-komunità tal-avjazzjoni. Bħalissa ninsabu fil-proċess biex nipproteġu din it-teknoloġija permezz ta’ patent sabiex nikkummerċjalizzawha”, sostna l-Inġinier Jason Gauci, li mexxa dan il-proġett.