Arrestat Raġel Li Kien Imfittex B’Rabta Ma’ Feriment Waqt Ġlieda

 Arrestat Raġel Li Kien Imfittex B’Rabta Ma’ Feriment Waqt Ġlieda

Investigazzjonijiet konġunti bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla u tar-Rapid Intervention Unit wasslu sabiex ilbieraħ jinstab u jiġi arrestat Serb ta’ 33 sena li kien qed jiġi mfittex b’rabta ma’ feriment waqt ġlieda li seħħet aktar kmieni din is-sena.

Il-każ seħħ nhar is-17 ta’ Frar, 2022 f’stabilliment fi Triq ix-Xatt, Wied il-Għajn. F’din il-ġlieda kien weġġa’ gravi raġel ta’ 29 sena residenti Wied il-Għajn, bl-allegat aggressur ħarab minn fuq il-post.

Wara investigazzjonijiet intensivi, ilbieraħ, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li l-persuna mfittxija qiegħda fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt il-Gzira. Għaldaqstant, fuq il-post marru immedjatament tar-Rapid Intervention Unit u malli s-Serb induna bil-preżenza tagħhom ipprova jaħrab.

Madankollu waqt li kien qiegħed jiġi arrestat huwa beda jkun aggressiv fil-konfront tal-pulizija u anke rreżista l-arrest. Konsegwenza t’hekk, erba’ Pulizija sofrew xi ġrieħi u ngħataw lassistenza medika fl-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.

Ir-raġel qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, waqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com