HandsOn Systems Jappoġġaw Rally Interkontinentali Tas-Subarians

 HandsOn Systems Jappoġġaw Rally Interkontinentali Tas-Subarians

Tlett studenti Maltin ser jieħdu sehem fil-Mongol Rally, li jibda’ fi Praga iktar tard dan ix-xahar, bl-appoġġ ta’ kumpanija lokali tal-IT, HandsOn Systems.

L-istudenti, Neal Aquilina, ta’ 20 sena, student tal-mediċina fl-Università ta’ Malta, u Andrea Villa, 20, u Sebastian Darmanin Kissaun, 19, li t-tnejn qegħdin jistudjaw il-kummerġ fl-Università ta’ Maastricht fl-Olanda, xtraw is-Subaru J10 tagħhom għal €500 (bil-bagoll mimli parts).

Minn dak iż-żmien daru dawra mal-karozza, biddlu ħafna komponenti biex isaħħuha għar-rally, fosthom is-sospensjoni ta’ quddiem, ix-shock absorbers kollha, sprejjawha oranġjo jgħajjat u waħħlulha tijers li jifilħu għall-maltemp fuq rimmijiet ikbar.

HandsOn Systems installaw dawl LED qawwi fuq ir-rack tas-saqaf, ħorn jgħajjat biex jattira l-attenzjoni u sistema tas-sound, u ġiet mgħammra b’apparat li jittrakkja bil-GPS grazzi għas-sħab tagħhom Melita, li permezz tiegħu il-pubbliku, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom u l-ħbieb, jistgħu isegwu r-rotta tagħhom live permezz ta’ link pubbliku – https://subarians.handsonsystems.com/.

It-tlett Subarians (https://www.facebook.com/Subarians/) jitilqu minn Malta fit-12 ta’ Lulju fuq il-katamaran għal Sqallija, isuqu minn naħa għall-oħra tal-gżira u jaqbdu vapur ieħor li jeħodhom Genova. Minn hemm ser isuqu fil-pajjiżi fin-nofs tal-Ewropa għal Praga minn fejn jibda r-rally fiż-17 ta’ Lulju.

Kif spjega Neal: “Minħabba l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja u peress li r-restrizzjonijiet tal-Covid jippersisti, li jfisser li xi pajjiżi għandhom il-fruntieri tagħhom magħluqin, ir-rotta kellha tinbidel u tgħaddi mill-parti ċentrali tal-Ewropa, l-Ilvant tal-Ewropa, it-Turkija u l-Armenja, u tispiċċa fil-Ġorġja fis-6 ta’ Awwissu.

Għad hemm il-possibbiltà li xi pajjiżi jiftħu l-fruntieri tagħhom iżda t-tlett studenti ser jevalwaw l-għażliet tagħhom kif dan isir. Il-pjan tagħhom hu li jerġgħu jiġu lura Malta fit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu.

Anthony Sciberras, Systems Support Manager ta’ HandsOn Systems, qal li din l-avventura, apparti milli tkun opportunità biex turi t-teknoloġija li għandha l-kumpanija, kienet ukoll opportunità għal responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR). “Rajna każ ġenwin għaliex dawn it-tlett żgħażagħ ser isuqu f’xi postijiet riskjużi ħafna u ħadna deċiżjoni li nagħtuhom l-appoġġ sħiħ tagħna permezz tal-għarfien u t-teknoloġija tagħna,” is-Sur Sciberras qal. “Ninsabu kunfidenti li ser igawdu minn 100% konnettività.”

Ritratt: Sebastian ‘Bassy’ Darmanin Kissaun isuq is-Subaru J10, li semmew Dommy, mal-membri tat-tim ta’ HandsOn Systems (mix-xellug) Anthony Sciberras, Systems Support Manager, technician Steve Farrugia u Sales Manager Patrick Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com