Karus L-Aħmar – Kunċett Fix-Xagħra Għawdex Biex Ifakkru L-Memorja Ta’ Geordie Muscat

 Karus L-Aħmar – Kunċett Fix-Xagħra Għawdex Biex Ifakkru L-Memorja Ta’ Geordie Muscat

Ftit aktar minn sena ilu, propju fis-7 ta’ Awwissu, wieħed minna, Geordie Muscat, tilef il-battalja mal-mard.

Geordie kien żagħżugħ enerġetiku, simpatiku, ċajtier u fuq kollox persuna li kien jaf kif iħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv.

Għalhekk ‘Dejjem Ħaj.’

Sabiex nibqgħu nfakkru l-memorja tiegħu, li ċertament baqgħet u se tibqa’ ħajja f’qalba, ħriġna bil-kunċett tal-Karus l-Aħmar.

X’inhu l-Karus l-aħmar? Din l-idea propju ġejja min inizjattiva li Geordie stess kien jagħmel, hekk kif f’kamartu kellu karus żgħir aħmar u kuljum kien jitfa’ l-flus ġo fih. Meta eventwalment jimtela’, dejjem kien jużahom jew biex jgħin lil ħaddieħor, jew għal xi safra, jew għal xi ħaġa sentimentali għalih.

Fil-jiem tal-festa tax-Xagħra Għawdex is-sena li għaddiet, Jessica Rae, il-maħbuba ta’ Geordie, kompliet l-inizjattiva tal-karus l-aħmar iżda b’għan differenti, fejn fl-istess ħin xorta baqgħet tinħass il-preżenza taż-żagħżugħ magħhom. Minkejja li sħab Geordie magħhom kellhom wieħed nieqes, xorta waħda kienu jħalsulu drink iżda l-flus propju jmorru fil-karus l-aħmar. Fi ftit jiem, irenxxielna niġbru aktar minn 6,000 ewro li kollha kemm huma marru għall-Puttinu Cares.

U min hawn beda u kompla l-kunċett tal-Karus l-Aħmar. Il-karus li postu għadu fir-Rubbles Bar fil-pjazza tax-Xagħra sabiex min irid jitfa’ l-flus ġo fih.

Minn hawn xtaqna nkomplu nonoraw il-memorja ta’ seħibna permezz ta’ kunċert propju f’Jum iż-Żgħażagħ, fit-12 ta’ Awwissu 2022 fil-Pjazza tax-Xagħra.

L-idea ta’ dan il-kunċert b’xejn, li se jżewweġ bosta temi differenti ta’ mużika huwa sabiex filwaqt li nżommu lil Geordie ħaj magħna, inkomplu nsaħħu l-inizjattiva tal-Karus l-Aħmar.

Fil-fatt, f’din il-lejla dawk preżenti, jistgħu b’mod volontarju jagħtu donazzjoni li kollha kemm huma se jmorru għall-Puttinu Cares.

F’din il-lejla se nfakkru wkoll il-memorji ħajjin li għandna ma’ Geordie.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com