Attrazzjonijiet Ġodda Ta’ Jurassic World F’Pajjiżna
Il-Kummissjoni Maltija għall-Films nediet attrazzjonijiet ta’ dinosawri li kienu jiffurmaw parti mill-film ‘Jurassic World – Dominion’ li ra lil pajjiżna jintwera lid-dinja ċinematografika minn Ġunju li għadda.
L-għan ta’ din l-inizjattiva hija li pajjiżna jieħu opportunità li jsaħħaħ in-niċċa ta’ screen tourism li permezz tagħha turisti u anke familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jgawdu l-esperjenza ta’ Jurassic World mhux biss fiċ-ċinema imma anke fl-ibliet u fl-irħula li nġibed dan il-film f’pajjiżna.
L-attrazzjonijiet ta’ dinosawri ser ikunu preżenti fil-Belt, fil-Birgu u fil-Mellieħa sal-aħħar ta’ dan is-sajf.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mil-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u mill-Kummissarju għall-Films Johann Grech.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq li dawn l-attrazzjonijiet ser iservu ta’ pjattaforma biex Malta tkompli tkun destinazzjoni attraenti fid-dinja taċ-ċinema u tat-turiżmu.
“Din l-inizjattiva ser tkun kontributur importanti wkoll anke għal family tourism. Niċċa oħra importanti għar-rendiment turistiku ta’ pajjiżna biex inkomplu ngħaqqdu żewġ prinċipji tant importanti, dawk tal-kwalità u tal-konsistenza. Il-kwalità f’dan il-każ hija marbuta mal-fatt li għandna isem pajjiżna fuq quddiem nett fejn tidħol promozzjoni fid-dinja ċinematografika”.
“Il-konsistenza għaliex mhux biss sempliċiment nattiraw produzzjonijiet b’mod kontinwu imma anke li Malta tkun bħala pajjiż fl-istorja tal-produtturi,” kompla jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech irrimarka li l-Kummissjoni ser tkompli taħdem biex tasal għall-mira ewlenija li f’Malta jkollna industrija tal-films li tkun klassi dinjija u ta’ opportunitajiet għal kulħadd.