Malta Tfakkar Jum Il-Vitorja.
Malta llum qed tfakkar Jum il-Vitorja. 100 Sena ilu, fl-1922 il-Parlament Malti ddikjara t-8 ta’ Settembru bħala Festa Nazzjonali.
Ilbieraħ, fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja, saret quddiesa pontifikali fil-Knisja Kolleġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu. Mexxa ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna u preżenti kien hemm, fost l-oħrajn, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta, George Vella u l-Prim Ministru, Robert Abela, u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Intant, għall-ewwel d-darba ċ-ċerimonja Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja saret fil-Birgu. Mal-wasla tagħhom f’Misraħ ir-Rebħa, il-President u l-Prim Ministru spezzjonaw separatament gwardja tal-unur. Illum il-Ħamis, iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali jissuktaw, meta titqiegħed kuruna tal-fjuri mill-President ta’ Malta mal-monument tal-Assedju l-Kbir, il-Belt. Se jitqiegħdu wkoll kuruni tal-fjuri mill-Kumitat Festi Nazzjonali mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju fil-Forti Sant’Anġlu, filwaqt li waranofsinhar, imbagħad, issir ir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir.
Fil-Mellieħa, n-Naxxar, l-Isla u fix-Xagħra Għawdex illum jiġu ċċelebrati l-festi ta’ Marija Bambina.