102 Avukati U 10 Prokuraturi Legali Ġodda Jingħataw Il-Warrant
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ippreżenta l-warrants lil 102 avukati u 10 prokuraturi legali ġodda wara li wrew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni legali.
F’ċerimonja ġewwa l-Admiral’s Hall fil-Forti Sant’Anġlu, il-Ministru Attard awgura lill-avukati u l-prokuraturi legali l-ġodda filwaqt li saħaq li huwa d-dmir tagħhom li jiggarantixxu aċċess għall-ġustizzja u rappreżentanza legali tajba lil kull ċittadin. Saħaq ukoll li għandhom iwettqu dmirhom bis-serjetà u b’rispett sħiħ lejn il-kostituzzjoni, il-liġijiet, u r-regolamenti kollha tal-pajjiż.
Il-ministru qal li l-gvern għaddej b’ħidma intensiva fuq diversi riformi leġiżlattivi u saħaq li “Jeħtieġ inkomplu bil-proċess ta’ mmodernizzar u bidliet legali li jagħmlu l-proċessi iqsar, anqas ripetittivi u effiċjenti. Fl-istess ħin inkomplu ninvestu fir-riżorsi umani u fl-infrastruttura neċessarja.” Huwa kompla jgħid ukoll li l-pass li jmiss huwa li id f’id mal-kamra tal-avukati u l-prokuraturi legali ssir ħidma biex jitfassal abbozz li mhux biss jirregola l-professjoni iżda jsaħħaħha.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, Dr Matthew Brincat f’isem il-Kamra tal-Avukati, u PL Gerald Bonello f’isem il-Kamra tal-Prokuraturi Legali.
Preżenti wkoll għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttiġieġ, l-Aġent Avukat tal-Istat Dr Roma d’Alessandro, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati Eunice Grech Fiorini, l-Viċi Kap tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati Vanessa Grech, kif ukoll rappreżentanti tal-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali fi ħdan il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.