Il-PN Itenni L-Appell Biex Il-Proġett Tat-twessigħ tal-By-Pass Tal-Imrieħel Jitwarrab Kompletament
Wara l-kummenti tal-Ministru Aaron Farrugia dwar il-fatt li l-proġett tat-twessigħ tal-By-Pass tal-Imrieħel u t-teħid ta’ art verġni f’Ħal Qormi tpoġġa fuq l-ixkaffa, il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-proġett fil-forma kif proposta għandu mhux biss jitpoġġa fuq l-ixkaffa, iżda jitwarrab kompletament. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata minn Ryan Callus – Kelliem għall-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u Adrian Delia – Kelliem għat-Trasport, il-Mobbiltà u l-Proġetti Kapitali.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif, flimkien mal-Kunsill ta’ Ħal Qormi u l-bdiewa Qriema, kien voċiferu kontra l-proġett kif propost għax kien se jeqred ammont sostanzjali ta’ raba saqwi agrikola, li sservi wkoll bħala l-aħħar pulmun għal Ħal Qormi.
Fl-istqarrija ntqal li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jfakkar li l-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi biex l-infrastruttura tkun ddevjata taħt l-art, bil-ħolqien ta’ spazju miftuħ fuq l-art, toħloq bilanċ tajjeb bejn it-titjib fl-infrastruttura u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja, kemm għaċ-ċentru kummerċjali tal-Imrieħel, kif ukoll għar-residenti Qriema.