The President’s Solidarity Fun Run Tirritorna B’Mixja Jew Ġirja Sal-Palazz Il-Belt

 The President’s Solidarity Fun Run Tirritorna B’Mixja Jew Ġirja Sal-Palazz Il-Belt

Il-President George Vella nieda “The President’s Solidarity Fun Run” li se ssir fl-20 ta’ Novembru li ġej b’mixja jew ġirja minn erba’ lokalitajiet sa Pjazza San Ġorġ quddiem il-Palazz il-Belt.

Waqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu sehem, il-President Vella qal li jinsab ħerqan ħafna li se jerġa’ jiltaqa’ man-nies f’mixja flimkien ta’ solidarjetà li se tibda minn Raħal Ġdid, Tal-Qroqq, u Santa Venera. Il-ġirja se tibda mis-Saqqajja, ir-Rabat. Il-President qal li dan hu avveniment li fih il-poplu Malti għandu okkażjoni fejn juri dak li jgħaqqadna bħala poplu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta u Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv Mark Cutajar qal li din l-attività mistennija se tirritorna għall-format tradizzjonali fejn il-parteċipanti jitilqu minn erba’ postijiet differenti u jimxu jew jiġru fid-direzzjoni tal-Palazz, il-Belt Valletta. It-tluq mill-pjazza ta’ Raħal Ġdid, minn fejn il-kappella tal-Università ta’ Malta, minn Santa Venera u mis-Saqqajja r-Rabat se jkun fid-9.30am.

Preżenti għat-tnedija kien hemm is-Sinjura Miriam Vella, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Graham Bencini, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Is-Sur Chircop, f’isem l-isponsor ewlieni Enemed, qal li hu parti mid-dover tagħhom bħala kumpanija li jagħtu daqqa t’id lil min hu fil-bżonn u lil kull min jiġi bżonn il-Malta Community Chest Fund. Huwa ħeġġeġ lill-kumpaniji biex jersqu huma biex jgħinu u ma jistennewx lil min iħabbtilhom il-bieb.

Is-Sur Mario Fava qal li l-kunsilli lokali se jerġgħu jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom biex iħeġġu lir-residenti jieħdu sehem f’attività nazzjonali, jagħmlu eżerċizzju fiżiku u fl-istess waqt juru solidarjetà flimkien. Qal li minn għada, is-sibt, il-kunsilli lokali se jibdew jirreġistraw lill-pubbliku għall-Fun Run.

 

Il-Ministru Grima qal li din l-attività sportiva hija spalla u appoġġ għal min għaddej minn żmien iebes, waqt li s-Sur Bencini qal li “The President’s Solidarity Fun Run” hija tassew espressjoni ta’ solidarjetà. Qalu li l-isport huwa element li jgħaqqadna bħala pajjiż wieħed.

L-applikazzjonijiet għal The President’s Solidarity Fun Run se jibdew jintlaqgħu mill-kunsilli lokali kollha, mill-Kitchen Garden, mill-Palazz ta’ Sant’Anton, mill-uffiċċju tal-MCCF il-Belt, u mill-kumplessi ta’ SportMalta f’Ħal Kirkop, il-Kottonera, il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq u Ta’ Kandja Shooting Range. Se jintlaqgħu wkoll waqt l-attività “Festa Palazz” li se ssir fil-Palazz tal-Verdala bejn għada s-Sibt u l-Ħadd. Ir-reġistrazzjoni hija €10.

Ritratti: DOI/OPR

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com