Hedded lill-eks martu li se jagħmillha bħalma ġara lil Bernice Cilia
Raġel li jgħix Bormla nżamm arrestat wara li ġie mixli b’fastidju, theddid, swat u li ħoloq biża’ lill-eks mara tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-Qorti li r-raġel, li ma jaħdimx u li jbati mill-vizzju tad-droga, ta’ sikwit kien iċempel lill-eks mara u jitlobha tagħtih il-flus.
Allegatament huwa kien jheddidha li jekk ma tagħtihx il-flus, kien se joqtol lilha u lil familtha. Huwa kien allegatament jgħidilha wkoll li jekk ma tismax minnu, kien se jagħmillha bħall-każ ta’ Bernice Cilia.
Filwaqt li r-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
Bernice Cilia kienet allegatament inqatlet mill-eks raġel tagħha nhar it-22 ta’ Novembru li għadda.
Ritratt: Justice.gov.mt