Irridu kollox issa!
Donnha l-moda tal-lum hija li kollox irid ikun issa u malajr. M’għandniex kapaċi nistennew.
Mhux ser nidħlu f’x’inhu tajjeb jew ħażin imma qed nieqfu u naħsbu ftit? ‘Il fejn sejrin? Fejn se naslu?
Jista’ jkun li minħabba din l-attitudni tagħna lejn il-ħajja, qed nixbgħu iżjed malajr minn dak li dari kien iferraħ.
Donnu rridu ngħaġġlu t-traġit tal-ħajja. Tisma’ anke studenti jilmentaw għax fejn jaħdmu għandhom €1,500 paga… iridu salajru għoli mill-ewwel. Bla dubju, mhux kulħadd. Qatt ma tista’ tiġġeneralizza. Imma tiġri! U tismagħha, u meta tirraġuna ma’ dak li jkun, jgħidulek ‘issa dak iż-żmien li tibda bil-mod għadda’.
Din tissejjaħinstant gratification; meta xi ħadd irid xi ħaġa issa dak il-ħin.
Il-kelma paċenzja saret iżjed rari. Dan kollu qed iwassal għal iżjed problemi fis-saħħa mentali. Għalkemm nafu, ma nammettux. Tant saret komuni, li ma nċedux għal meta xi ħadd jgħidilna biex nikkalmaw u nimxu bil-mod. Moħħna biex inqabblu ħajjitna ma’ ta’ ħaddieħor.
Imma inti, fejn tridha tasal ħajtek? X’tixtieq li tkun fil-futur? Stressjat b’ħafna ġid li ma tgawdiehx? Jew kalm u kuntent b’dak li għandek?
Aħseb ftit!
Nota: Dan l-artiklu nħoloq biex iqajjem kuxjenza. Inħeġġuk titkellem ma’ professjonisti jekk tinsab f’diffikultà fuq l-immaniġġjar ta’ ħajtek. Kuraġġ!