Ċentru ġdid għall-Anzjanità Attiva f’Ħal Għargħur
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) ħabbret il-ftuħ ta’ ċentru ġdid għall-anzjani fil-komunità ta’ Ħal Għargħur. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attenda l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, fejn ġie spjegat kif b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkun qed jinfetaħ dan iċ-ċentru.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li permezz ta’ dan iċ-ċentru u ċentri oħra bħalu, qed jiġu offruti programmi t’attivitajiet biex iħeġġeġ lill-anzjani jibqa’ jkollhom sehem attiv fis-soċjetà.
“Dawn iċ-ċentri huma importanti biex jgħinu lill-anzjani fil-komunità, fejn mhux biss ikun hemm sessjonijiet ta’ informazzjoni u għarfien dwar saħħa, liġijiet u servizzi oħra, iżda wkoll ikomplu jżommu lilhom infushom attivi permezz ta’ sessjonijiet ta’ attività fiżika li jsiru f’dawn iċ-ċentri,” tenna l-Ministru Abela.
Il-Ministru sostna li l-Gvern kommess li jkompli joffri ċentri u spazji bħal dawn madwar Malta u Għawdex biex l-anzjani jibqgħu jkunu parti mill-komunitajiet tagħna. Il-Ministru temm id-diskors tiegħu billi ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin in-numri ta’ ċentri f’pajjiżna ser jitilgħu għal 31 hekk kif ser jinfetħu numru ta ċentri ġodda fil-Kottonera.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-AACC Dr Renzo De Gabriele ħeġġeġ aktar kunsilli lokali sabiex jagħmlu kuntatt biex jinfetħu aktar Ċentri għall-Anzjanità Attiva b’kollaborazzjoni magħhom, biex flimkien ikomplu jkabbru din il-kullana ta’ ċentri għall-anzjani.
Dan iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’Ħal Għargħur ser ikun qed jiftaħ kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-11.00am u nofsinhar, fejn ser jibda jkun hemm sessjonijiet ta’ attività fiżika. Għal aktar informazzjoni, kemm dwar l-attivitajiet kif ukoll dwar sħubija fiċ-ċentru, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur jew maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900. L-informazzjoni tinstab ukoll fuq is-sit elettroniku: aacc.gov.mt.