Titnieda s-sitt edizzjoni tal-Premju għall-Arti

 Titnieda s-sitt edizzjoni tal-Premju għall-Arti

Minister for the National Heritage, the Arts and Local Government Owen Bonnici launches the 6th edition of Premju għall-Arti

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda s-sitt edizzjoni tal-Premju għall-Arti.

Waqt it-tnedija, il-Ministru Owen Bonnici tenna li “Il-Premju għall-Arti huwa mod eċċezzjonali kif nirrikonoxxu talenti lokali u l-kontribuzzjonijiet notevoli li s-setturi tal-kultura u l-kreattività qed jagħmlu. Huwa wkoll xhieda tal-impenn tagħna li nrawwmu u nippromwovu komunità tal-arti b’saħħitha fejn l-immaġinazzjoni u l-kreattività jkunu jistgħu jimirħu.”

Maria Angela Vassallo, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Maniġer tal-Proġett għall-Premju għall-Arti, spjegat il-bidliet li saru għal din is-sitt edizzjoni. “Il-Premju se jsir fuq bażi biennali, bil-kategoriji kompetittivi jiżdiedu għal 14 għall-edizzjoni tal-2023, b’5 proġetti magħżula bħala finalisti. L-2023 se tara wkoll ir-ritorn ta’ tliet kategoriji onorarji mhux kompetittivi, li se jinżammu kif kienu. It-titlu ta’ Ambaxxatur għall-Arti se jkun miftuħ għall-aġġudikazzjoni fl-edizzjoni li jmiss, li se tkun fl-2025.”

In-nominazzjonijiet għall-Premji għandhom jitressqu fuq www.premju.mt. Il-perjodu t’eliġibbiltà għal din l-edizzjoni hu bejn l-1 ta’ Ottubru 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2023, bin-nominazzjonijiet iridu jkunu mressqa sa nofsinhar tat-22 ta’ Settembru 2023. It-tim tal-Premju għall-Arti jipproċedi billi jikkuntattja lil dawk nominati biex jipprovdu aktar informazzjoni fuq ix-xogħol nominat permezz ta’ formola t’applikazzjoni.

Aspett ġdid f’din is-sitt edizzjoni huwa li n-nominazzjonijiet għall-Aqwa Xogħol għal Tfal u Żgħażagħ, L-Aqwa Proġett fil-Komunità, L-Aqwa Kisbiet Internazzjonali, u L-Aqwa Intrapriża Kreattiva u Innovattiva se jgħaddu minn stadju ieħor ta’ selezzjoni—dak ta’ votazzjoni pubblika, li se jseħħ ukoll fuq www.premju.mt, fi stadju aktar tard din is-sena qabel is-serata tal-għoti tal-premjijiet. Kull persuna se tkun tista’ tivvota darba waħda biss, abbażi tan-numru tal-karta tal-identità tagħha. Il-vot pubbliku se jkopri 25% tal-marka finali.

Għal iktar informazzjoni, linji gwida, u biex tinnomina x-xogħlijiet artistiċi favoriti, żur www.premju.mt. Għal aktar mistoqsijiet tista’ tibgħat email fuq [email protected].

​​

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com