Tgħidlix li diġà bdejt taħseb biex tarma tal-Milied?
M’intomx taqraw ħażin. Iva hawn min diġà beda jarma u anke xegħel it-tieqa. Dan jista’ jkun iservi ta’ dik li nsejħulha ‘thrill’ għal dik il-persuna li tieħu gost tkun tal-ewwel f’kollox saħansitra anke fit-tiżjin fid-dar għall-Milied. Imma mhux biss.
Jista’ jkun ukoll li tant sirna ngħaġġlu ż-żmien li nkunu rridu okkażżjoni tasal malajr. Forsi m’għadniex kapaċi nistennew u nagħmlu kollox f’ħinu u f’waqtu. Fil-verità ma hemm xejn ħażin u m’aħnhiex niġġudikaw. Kulħadd għandu l-libertà jagħmel u jaġixxi kif jixtieq. Imma dan l-aġir jista’ jwassal għal sitwazzjoni li forsi nixbgħu malajr minn ħaġa, festa jew oġġett? Din tista’ tkun ukoll ‘instant gratification’; fejn persuna trid kollox issa għaliex hekk ikun ħaseb il-moħħ. Nerġa’ ngħid, m’aħnhiex niġġudikaw. Għix u ħalli lil min jgħix imma forsi permezz ta’ din il-ktiba naħsbu ftit.
Il-maġġoranza tan-nies għadhom iżommu mat-tradizzjoni li jarmaw għall-Milied fil-bidu ta’ Diċembru. F’Malta, kien hawn tradizzjoni wkoll li narmaw mal-Kunċizzjoni, jiġifieri fit-8 ta’ Diċembru. Maż-żmien, l-armar beda jidher iżjed kmieni anke minħabba l-fatt li żdiedet l-influwenza min-negozji li jarmaw l-istabbilimenti u l-ħwienet tagħhom ferm qabel, aktar min-Novembru biex iħeġġu lill-pubbliku jidħol fl-ispirtu festiv u anke jixtri. Attwalment, dan l-entużjażmu ġie mħeġġeġ iżjed permezz tal-midja soċjali fejn anke jeżistu paġni fuq instagram u anke facebook, li jtellgħu materjal marbut mal-Milied is-sena kollha. Barra minn xtutna issib anke ħwienet purament tad-dekorazzjonijiet tal-Milied matul il-jiem tal-kalendarju kollu. F’Malta, dan l-attentat ukoll prova jaqbad għalkemm dawn it-tip ta’ ħwienet issibhom armati bi prodotti oħra jew bejgħ ta’ pjanti u materjal festiv ieħor bħal ngħidu aħna tal-festa tal-Għid.
Jingħad li dawn bejn it-18 u l-35 sena jkollhom iżjed eċitament biex jarmaw kmieni u dan jaf jonqos malli jibdew jaqbżu din il-faxxa t’età. imma ovvjament xejn fl-affermattiv. Riċerkaturi jgħidu li waqt li persuna tkun qed iżżejjen tħossha iżjed ferħana. Madanakollu hemm min ma jkunx irid jara nitfa tiżjin qabel żmienu. Imma bħal f’kollox, mitt bniedem, mitt fehma.
Inti bdejt iżżejjen tal-Milied jew qrobt li tibda taħseb biex tarma? Itteggja lil xi ħadd li taf li jkollu ġenn biex jarma. JEW… jekk diġà armajt, ibagħtilna ritratt. L-importanti li dejjem tieħdu gost f’dak li qed tagħmlu.