Il-festa tal-Qaddisin kollha

 Il-festa tal-Qaddisin kollha

“Bħala Nsara fl-1 ta’ Novembru aħna niċċelebraw il-festa tal-Qaddisin kollha li qed igawdu ‘l Alla fis-sema u fit-2 ta’ Novembru infakkru l-Mejtin kollha fejn nitolbu għal dawk kollha li mietu qabilna fil-fidi u qed jittamaw għall-qawmien mill-imwiet.” Hekk saħaq magħna Fr David Borg, kappillan tal-Parroċċa Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid.

Stqarr magħna li l-Halloween hija degradazzjoni ta’ dak li niċċelebraw aħna l-Insara f’dal- ġranet. Qal li din hija ċelebrazzjoni pagana li twaqqa’ għaċ-ċajt il-mejtin filwaqt li tħeġġeġ ħafna l-kultura tal-okkult u l-mewt, b’mod speċjali fost it-tfal. Fr. Borg spjega kif il-Knisja tħeġġeġ biex dawn jiġu evitati filwaqt li tipproponi li t-tfal jilbsu ta’ diversi qaddisin u joħorġu jagħmlu ġabra għal min hu fil-bżonn.

Meta staqsejnieh jekk jaqbilx li għandna nżejnu djar tagħna b’ tal-halloween jew jekk inkunux qed inqanqlu lil-mejtin, tenna li l-insara jżejnu skont dak li jemmnu u t-tiżjin tal-Halloween jesprimi xorta oħra. Spjega kif il-mejtin, għandna niftakru fihom fit-talb tagħna biex id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom u jistrieħu fis-sliem.

Kompla jgħidilna kif il-ġenituri Nsara għandhom ikunu jafu sew x’qed jagħżlu u x’qed jagħmlu meta jlibbsu l-kostumi ta’ Halloween lit-tfal. Fisser kif meta l-ġenituri marru l-Knisja biex jgħammdu lit-tfal, minn jeddhom għażlu li jlibbsuhom l-libsa ta’ Kristu billi jsiru jixbħuħ bil-mod kif jgħixu. “Ix-Xitan irid jibdlilna din l-identita ta’ ulied Alla u qed jippreżenta libsa oħra differenti li m’hijiex dik tal-Magħmudija. L-għażla tal-libsa f’idejna. Jew m’Alla jew max-Xitan! Il-Kummerċ daħal f’dawn il-ġranet ukoll.”

“It-tfal jimirħu ħafna fl-immaġinazzjoni tagħhom. Għalfejn għandna nippreżentawlhom dinja makabra? Hawn wisq gwerer u kunflitti madwarna. It-tfal jixirqilhom dinja ta’ paċi u protezzjoni, mhux makabrita’ u biża’”, esprima Fr David Borg.

Meta staqsejnieh għaliex idejqu l-halloween, qalilna li jdejqu s-sens ta’ tpattija fejn min ma jiftaħx il-bieb, xi drabi jispiċċa bil-bieb ta’ barra ssuttat bil-bajd. Qal li azzjoni bħal din iġġib biża’ u dwejjaq u li affarijiet bħal dawn m’għandnix inħeġġuhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com