Prezzijiet jogħlew
Il-prezzijiet se jkomplu jogħlew fl-2024?
Mistoqsija li kważi t-tweġiba hija retorika. Ilkoll rajna kif minn wara l-pandemija komplew jogħlew il-prezzijiet. Kien hemm każijiet fejn kien hemm raġuni għaliex dan sar fejn naqset it-trasportazzjoni ta’ materja prima bejn il-pajjiżi u għalhekk, dawn għolew għaliex saru skarsi. (biex infehemukom sew) Mhux għax huma skarsi minnhom infushom imma għaliex ma ssibhomx malajr bħal qabel u ma jiġux fejn tkun ordnajthom bl-istess ritmu ta’ qabel.
Irridu nżommu f’moħħna x-xenarji ta’ gwerra li hawn bejn ir-Russja u l-Ukrajna u bejn l-Iżrael u l-Palestina. Hemm min jgħid li dawn huma skużi biex dak li jkun jgħolli l-prezzijiet imma dan mhux dejjem ikun il-każ.
F’pajjiżna, minkejja li kien hawn rankatura kbira fit-turiżmu, xorta waħda l-pubbliku jħoss li l-ħajja għoliet. Il-problema tal-għoli tal-ħajja u anke ż-żieda fl-ispiża tal-prodotti bażiċi tinħass ħafna mill-familji.
Barra minn xtutna qed jiġri l-istess u forsi b’iżjed għaġġla. Hemm min jaħseb ukoll li s-safar għad jerġa’ jibda jsir komodità tal-familji li jistgħu biss, fejn illum, jekk tmur sa Londra li hija destinazzjoni popolari ferm mal-Maltin, l-ispiża titla’ sew u biex tiekol u tgawdi vaganza sewwa f’din il-belt, trid ammont ta’ flus.
Bla dubju, hemm ukoll min jirkeb fuq il-karru u jiġbed il-prezzijiet għad-dritt u jipprova jintelaq mal-kurrent u jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni. Hemm min jirraġuna ‘għola kollox, mela ngħolli jien’, saħansitra anke servizzi personali lil terzi.
Intom x’taħsbu fuqha din?