Qatt rajtu train għaddejja fit-toroq mingħajr ma timxi fuq il-linji?
Iva teżisti. Tinstema’ fantażija u forsi rajnieha fil-films tal-fantaxjenza imma ġrat tassew fiċ-Ċina.
Bl-isem ta’ The Intelligent Rail Transit Aka IRT; din hija mezz modern ta’ trasport pubbliku aċċessibbli għaċ-ċittadini li topera bl-elettriku u bl-ebda emissjonijiet li jħammġu l-ambjent.
La għandha bżonn linji ferrovjarji u anqas wires għaddejjin imqabbdin mas-saqaf tagħha.
B’veloċità ta’ 60 mil fis-siegħa, din it-train ġibdet l-għajn.
L-IRT, kif qed tissejjaħ fil-qosor, hija grupp ta’ kabini li jifilħu mal-100 passiġġier kull waħda; 10 darbiet il-kapaċità ta’ karozza tal-linja normali.
Bl-introduzzjoni ta’ din it-train, il-problema ta’ konġestjoni tat-traffiku fil-qofol tiegħu, issa m’għadhiex problema. Apparti li għandha l-benefiċċji li diġà semmejna, din għandha sistema ta’ komunikazzjoni fuq l-art permezz ta’ signal system fejn per eżempju kif it-train toqrob lejn it-traffic lights, jintbagħat messaġġ teknoloġiku ċentrali li jġiegħel biex dawn jaqilbu fuq il-kulur aħhdar u allura, it-train tibqa’ għaddejja bla waqfien.
Tinstaq b’mod awtomatiku bl-aqwa u bl-aħħar teknoloġija eżistenti … l-IRT jidher li se tkun soluzzjoni assoluta. Il-konġestjoni tat-traffiku se ssir xi ħaġa tal-passat.
Tgħid għandna bżonnha f’Malta? Fiċ-Ċina, dalwaqt ser tkun addattata f’kull belt … il-futur jidher ferm interessanti!