Is-soru li rabbiet għexieren ta’ tfal b’imħabba ta’ ġenitur

 Is-soru li rabbiet għexieren ta’ tfal b’imħabba ta’ ġenitur

Sister Denise Vassallo qatt ma kellha tfal bijoloġiċi tagħha hekk kif minn età żgħira, dejjem ħasset il-vokazzjoni li tidħol soru. Madanakollu, hi ħabbet u rabbiet għexieren ta’ tfal li ma kellhomx familja, bl-imħabba u l-kura ta’ ġenitur.

Matul is-snin li ilha sservi bħala soru f’Dar Sagra Familja, f’Ħaż-Żabbar, Sister Denise ltaqgħet ma’ għexieren ta’ tfal li bl-istejjer tagħhom messewlha qalbha. Irrimarkat li lit-tfal kollha li rabbiet għamlet minn kollox sabiex ittihom l-imħabba pura tagħha, tieħu ħsiebhom u ġġiegħelhom iħossuhom li għandhom post f’din id-dinja.

“Kull tifel u tifla għandhom is-sabiħ tagħhom, l-innoċenza tagħhom, it-tbatija tagħhom u l-ferħ tagħhom,” insistiet hi.

Spjegat li dawk li llum il-ġurnata huma adulti u li hi rabbiet meta kienu żgħar, għadhom iċemplulha u hi ċċemplilhom. Sostniet li t-tfal kollha dejjem tgħidilhom li hi qiegħda hemm għalihom, anke wara li jsiru adulti u ma jkollhomx aktar bżonn xi ħadd li jieħu ħsiebhom il-ħin kollu.

“Talbitni ntellagħha sal-artal”

Sister Denise irrakkuntat kif waħda mill-isbaħ esperjenzi s’issa kienet meta waħda mit-tfal li kienet rabbiet, fil-ġurnata tat-tieġ, talbitha ttellagħha sal-artal. “Dan kien mument li verament se nibqa’ ngħożż matul ħajti,” qaltilna Sister Denise.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com