Griz jgħid li hu u Mini qatt ma kienu flimkien…int temmnu?

 Griz jgħid li hu u Mini qatt ma kienu flimkien…int temmnu?

F’intervista xokkanti ma’ Stradarjali, il-pupazz famuż Malti Griz, iddikjara li hu u Mini la qatt kienu u lanqas qatt se jkunu flimkien.

Ngħiduha kif inhi, ħarbtilna ftit din l-intervista li ħriġnielkom propju f’Jum San Valentinu. Aħna konnha mingħalina li se jgħidulna kif fis-snin ta’ wara li spiċċa l-programm Minibugz, kienu se jammettu l-imħabba lejn xulxin u jgħidulna li xtraw xi treehouse il-Buskett!

Imma minflok, Griz qalilna li għandu tfajla jisimha Chloe u lil Mini jħobbha biss bħala ħabiba. Intant, Mini wieġbet “no, no, no, no…aħna we’re just friends.” Tant li anke Griz fetaħ ħalq daqshiex għall-mod li bih wieġbet għall-mistoqsija. Naqra overkill ir-reazzjoni tiegħek, le Mini ħi?

Minkejja kollox, ħadna pjaċir ngħidu kelma magħhom wara dawn is-snin kollha jaqilgħu t-trab…aw ridna ngħidu, jgħixu ħajja trankwilla wara perjodu ta’ fama lokali.

Griz qalilna li issa sar moħħu fit-tfajliet, bħal donnu nesa kemm-il darba kien jgħidilna li għandu dudu mqareb mhux ħażin waqt Minibugz. Intant, Mini kkonfermat li għadha qed tistudja għal nurse, imma forsi tkompli tavvanza u ssir tabib, inkella taqleb il-folja u ssir xjentista. Insomma propju lejl u nhar dawn it-tnejn. Ma nistgħux nifhmu kif konnha naħsbu li qatt setgħu jkunu flimkien.

Imma nsomma, issa ladarba ma stajniex ngħidulkom dwar l-avventuri ta’ Mini u Griz bħala maħbubin, tlabnihom jgħaddu ftit il-messaġġ tagħhom f’Jum San Valentinu. Wara li Griz iddikjara imħabbtu għal Chloe għas-sitt mitt darba, il-messaġġ tagħhom kien wieħed komuni. Insistew li din il-festa hija waħda għal kulħadd. M’hemmx bżonn tkun f’relazzjoni, l-unika rikjesta hija li turi l-imħabba tiegħek lil xi ħadd. Din l-imħabba mhix biss limitata għal xi għarus jew għarusa, iżda anke għall-ġenituri, ulied, nanniet, ħbieb…għal kulħadd!

Aħna tat-tim ta’ Stradarjali, flimkien ma’ The Atrium, nixtiequlkom Jum San Valentinu mill-isbaħ!

 
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com