Kantera bil-ganutell waqt “Vjaġġ Sabiħ” f’Mużika Mużika 2024
Eċċezzjonali u unika kienet l-animazzjoni 3D tal-ganutell, waqt li l-grupp folkloristiku Kantera kanta l-kanzunetta “Vjaġġ Sabiħ” li biha ipparteċipa fil-festival Mużika Mużika din is-sena.
Il-grupp Kantera jaf il-bidu tiegħu propju f’dan il-festival prestiġġjuż tal-kanzunetta Maltija, lura fl-2021. Ipparteċipaw darbtejn f’dan il-festival fejn ikklassifikaw fit-tielet u fit-tieni post u anke rebħu l-aqwa arranġament mużikali tal-kanzunetta “Tkun ‘l Hawn Għaddi” li kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Aurelio Belli.
Is-sena li għaddiet rajna lil Kantera bħala mistiedna speċjali f’dan il-festival u din is-sena qed jerġgħu jipparteċipaw bħala kontestanti; dejjem b’oriġinalità li mhux biss tpaxxi l-widna bil-mużika sabiħa mħallta bejn dik tradizzjonali, folkloristika u melodija moderna, imma wkoll permezz ta’ animazzjoni li turi sengħa ta’ artiġġjanat ferm sabiħa, antika u magħrufa fost il-Maltin u l-Għawdxin; dik tal-ganutell. Interessanti u innovattiv il-fatt li l-ganutell, apparti li qiegħed fil-viżwal, huwa verament maħdum reali fi fjura fuq il-ħwejjeg tal-kantant tal-grupp Kantera.
Il-kanzunetta “Vjaġġ Sabiħ” titratta l-vjaġġ ta’ ħajjitna li ma jkunx fih kollox ward u żahar, iżda meta jinqalgħu l-intoppi ma rridux naqtgħu qalbna imma nagħmlu kuraġġ biex negħlbu dawn l-isfidi u nixmu ’l quddiem.
Kantera ħasbu wkoll biex l-ilbies tagħhom waqt l-interpretazzjoni ta’ din il-kanzunetta ikollu fih l-elementi tal-kostum Malti, anke jekk imżewweġ ma’ stil modern. L-istrumenti u l-elementi mużikali Maltin ma jonsqux.
Din il-kanzunetta nkitbet minn Kantera b’kollaborazzjoni ma’ Micimago u Joe Julian Farrugia.