“Nippreferi nsiefer waħdi!” Jekk taqbel, dan għalik
Kull persuna hija differenti u tesperjenza l-ħajja b’modi differenti. Hawn min jippreferi jkun kontinwament ma’ persuni oħrajn u hawn min ‘l hena tiegħu waħdu.
Dan il-bżonn li tkun man-nies jew li tkun waħdek jirrifletti wkoll fl-ivjaġġar. Issib lil dawk li meta jiġu biex isiefru lanqas biss jimmaġinaw jitilgħu fuq l-ajruplan waħedhom, u hawn dawk li jieħdu qatgħa meta xi ħadd jgħidilhom li jixtieq isiefer magħhom. Għal dawn tal-aħħar, l-aħjar vjaġġ huwa dak li tagħmel waħdek għax ħadd ma jindaħallek fejn tmur, kemm tonfoq, x’se tiekol, u x’se tagħmel!
Jekk qatt ma vjaġġajt waħdek imma tixtieq tagħmel dan, ibqa’ aqra għax se ngħidulkom xi ftit vantaġġi ta’ dan!
- Tista’ torganizza l-vjaġġ kif trid u kif immaġinajtu inti. Il-vjaġġ huwa ffukat fuq l-ideat tiegħek biss mingħajr kompromessi biex tagħmel dak li jrid jagħmel ħaddieħor.
- Titgħallem tirriċerka l-postijiet fejn tixtieq iżżur u tkun aktar ippreparat għax meta tkun hemm, se tkun waħdek u mhux dejjem se ssib lil min tistaqsi aktar informazzjoni.
- Ikollok l-opportunità li titkellem ma’ persuni ġodda u tisforza lilek inniffsek biex tagħmel dan. Meta tivvjaġġa ma’ persuna oħra tispiċċa tinterraġixxi inqas ma’ persuni tal-lokal.
- Ikollok ċans tkun aktar flessibbli u jekk tiddeċiedi li waqt il-vjaġġ tibdel fhemtek dwar x’se tagħmel, tista’ tagħmel dan mingħajr ma titlob permessi.