Bħal-lum Chiara kisbet it-tielet post fil-Eurovision Song Contest … kellna nirbħuh?
Fid-9 ta’ Mejju tal-1998, il-kantanta brava Maltija Chiara Siracusa kisbet it-tielet post fil-Eurovision Song Contest li kien sar f’Birmingham fl-Ingilterra.
Kantat il-kanzunetta The one that I love fuq kompożizzjoni ta’ Jason Cassar u lirika ta’ Sonny Aquilina li llum m’għadux magħna.
Hija kisbet 166 punt, għal 167 tar-Renju Unit u għall-174 tal-Iżrael li rebaħ il-Eurovision bil-kanzunetta Diva mill-kantanta Dana International.
Jingħadd li dakinhar Malta kellha tirbaħ il-Eurovision. Tant kien hemm dik l-aspettativa, li anke crew televiżiv minn BBC kien lest ħdejn Chiara sabiex jintervistaha hu l-ewwel malli titħabbar ir-rebħa.
Għalkemm Malta ma rebħitx, Chiara għamlet isem kemm għaliha u anke għal pajjiżna. Tagħtna tama li nistgħu naslu u nirbħu dan il-festival li minkejja li jqajjem kontroversja kbira, huwa maħbub ħafna u mistenni mill-Maltin ukoll.